Futbol Sport

Għada jkun magħruf ukoll il-verdett deċiżiv għal min bejn Naxxar Lions u Melita se jsalva postu fil-Malta Premier

Il-kowċis ta' Melita u Naxxar Lions, Clive Mizzi u George Vella
Il-kowċis ta' Melita u Naxxar Lions, Clive Mizzi u George Vella

Naxxar Lions jew Melita se jkunu qed jiċċelebraw is-salvazzjoni għall-istaġun li ġej tal-Malta Premier. Il-Ġimgħa fis-6:15pm, f’Tony Bezzina Stadium, dawn it-tnejn se jkunu qed jaffrontaw lil xulxin f’play-out deċiżiv, li jista’ jieħu aktar minn 90 minuta ta’ logħob, f’każ li l-partita tibqa’ fid-draw.

Lejlet dan id-dwell, m’huwiex sigriet li meta tqabbel il-forma taż-żewġ timijiet rispettivi, Naxxar Lions fil-mument jibdew favoriti li jiksbu r-rebħa, li f’dak il-każ tkun qed tarhom isalvaw posthom għat-tieni sena konsekuttiva mal-kbar tal-futbol Malti.

Ir-riżultati miksuba minn Naxxar Lions fl-aħħar rawnd ta’ partiti, partikolarment fil-fażi tal-Bottom Six tal-Closing Round, għandha tkompli tgħolli l-moral tal-iskwadra mmexxija mill-kowċ George Vella. Mil-ħames partiti li n-Naxxarin lagħbu f’Bottom Six, huma kisbu tliet rebħiet u draw, biex b’hekk temmew tliet punti ‘l fuq mit-tim fil-11-il post tal-klassifika tal-Closing Round, u li kien relegat direttament għaċ-Challenge League tal-istaġun li ġej, Balzan.

Bil-kontra jista’ jingħad fil-każ ta’ Melita. Wara li huma kellhom Opening Round mill-aktar pożittiv, fejn kisbu rebħiet sorprendenti, wieħed kien jistenna bil-wisq aktar minn Melita fil-Closing Round, iżda dan ma kienx il-każ.

Naxxar Lions FC

Il-forma preżenti ta’ Naxxar tagħmilhom bil-wisq aktar favoriti minn Melita

Melita, taħt it-tmexxija tal-kowċ Clive Mizzi, ilhom għaxar partiti infila fil-Malta Premier ma jiksbu rebħa. Minn dawn l-għaxar partiti, huma tilfu seba’ partiti. L-aħħar rebħa ta’ Melita, tmur lura għal Frar li għadda, meta b’gowl f’kull taqsima, huma kienu għelbu lil Ħamrun Spartans 2-0. Minn dak in-nhar sal-lum, l-aħjar riżultati miksuba minn Melita kienu biss tliet draws f’għaxar partiti. Riżultati bil-wisq negattivi li finalment wassalhom biex temmew l-aħħar fil-klassifika tal-Closing Round, wara li kienu temmew fid-disa’ post fl-Opening Round.

B’hekk huma se jkollhom jisfurzaw play-out kontra Naxxar Lions, għal min minnhom se jkun relegat għaċ-Challenge League flimkien ma’ Balzan. Naxxar Lions kisbu l-istess riżultati ta’ Melita iżda bil-kontra; l-aħħar post fl-Opening Round u d-disa’ post fil-klassifika finali fil-Closing Round.

B’difiża ta’ Melita li kienet tassew vulnerabbli fit-tieni fażi tal-Kampjonat, it-tim li staġun ilu kien rebaħ iċ-Challenge League u kiseb promozzjoni flimkien ma’ Żabbar St Patrick, fil-Closing Round sofra total ta’ 36 gowl kontra s-27 gowl maqgħluħ minn Naxxar Lions.

Madankollu, Melita skorjaw gowl aktar minn Naxxar Lions f’din il-fażi tal-Malta Premier; 18-il gowl skorjat, li flimkien ma’ Balzan tagħmilhom it-tielet tim bl-aqwa attakk fil-Closing Round. Iżda dan ma kienx biżżejjed biex naraw riżultati aħjar minn Melita.

B’tim li kien kompost minn diversi elementi żgħażagħ ta’ kwalitá iżda nieqsa mill-esperjenza f’dan il-livell, l-etá medja ta’ Naxxar Lions m’hijix wisq ‘il bogħod minn dik ta’ Melita.

Hu fatt li ż-żewġ timijiet dan l-istaġun ħadnu politika li matulha rajnihom jagħtu aktar spazju lill-plejers żgħażagħ, kemm dawk Maltin kif ukoll barranin.

It-tnejn huma fost il-ftit timijiet Maltin fil-Malta Premier, li matul l-istaġun, Naxxar Lions aktar minn Melita, għażlu li jilgħabu b’gowlkiper żagħżugħ Maltin bejn il-lasti.

Clive Mizzi, kowċ ta’ Melita FC

Dan l-istaġun, Naxxar Lions u Melita lagħbu kontra xulxin ħames darbiet u Melita għadhom iridu jiksbu l-ewwel rebħa

Fil-veritá, il-konfront tal-Ġimgħa bejn dawn it-tnejn se jkun is-sitt wieħed dan l-istaġun għaliex apparti li s’issa kelna erba’ partiti bejn Naxxar Lions u Melita fil-Malta Premier, kien hemm konfront ieħor bejn dawn l-istess timijiet fil-Meridianbet FA Trophy.

Minn dawn il-ħames partiti li ntlagħbu s’issa, Naxxar Lions rebħu tliet partiti sad-90 minuta, b’konfront ieħor intemm fid-draw sad-90 minuta, iżda fil-ħin barranin intrebaħ minn Naxxar Lions, u f’konfront ieħor tal-Malta Premier, kelna draw.

Melita għadhom iridu jirbħu l-ewwel logħba tagħhom kontra Naxxar Lions.  Agħar minn hekk f’erba’ partiti li lagħbu fil-Malta Premier, Melita kellhom nixfa ta’ gowls kontra Naxxar Lions. Huma skorjaw biss żewġ gowls, u li kienu skorjati fl-istess partita, meta fit-23 ta’ Frar li għadda, Naxxar Lions kienu għelbu lil Melita 5-2.

Melita FC

Fis-snin 40, Melita kienu kisbu l-ewwel promozzjoni tagħhom għall-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, u kienu għamlu tmien staġuni sħaħ jilgħabu f’dan il-livell

Storikament, kemm il-darba Melita jirnexxilhom jilħqu l-objettiv li jsalvaw posthom fl-ewwel sena tagħhom mar-ritorn fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, din ma tkunx l-ewwel darba tagħhom li jkunu laħqu dan l-għan.

Melita lagħbu għall-ewwel darba fl-ewwel diviżjoni tal-futbol Malti (l-ekwivalenti għall-Malta Premier ta’ dak iż-żmien), fl-istaġun 1939-40. L-ewwel staġun tagħhom kien wieħed memorabbli tant li kienu spiċċaw fit-tieni post tal-klassifika finali. Sal-lum din kienet l-aqwa klassifikazzjoni li qatt kisbu Melita f’dan il-livell ta’ futbol Malti.

Għal tmien staġuni sħaħ, Melita kienu żammew posthom mal-kbar tal-futbol Malti, u fl-istaġun 1947/48, huma kienu relegati wara perjodu sabiħ u li jibqa’ imfakkar b’ittri tad-deheb fl-istorja ta’ dan il-klabb li dejjem għaraf iżomm il-modesta fid-dehra tiegħu.

Ftit tas-snin wara, fit-tmiem tal-istaġun 1952/53, huma reġgħu kienu promossi għall-ewwel diviżjoni tal-futbol lokali, iżda l-ewwel staġun tagħhom mat-tieni darba li kisbu l-promozzjoni, kien bil-wisq diffiċli, u sfaw relegati mal-ewwel, wara biss staġun.

Għaxar snin wara, fit-tmiem tal-istaġun 1962/63, Melita rebħu t-tielet promozzjoni taghhom, iżda f’Kampjonat kompost minn tmien timijiet, Melita kienu temmew fis-seba’ post fil-klassifika finali u sfaw relegati mill-ġdid mal-ewwel għat-tieni diviżjoni.

Melita reġgħu kisbu l-promozzjoni, aktar minn 40 sena wara, meta fit-tmiem tal-istaġun 2011/12 huma kienu mill-ġdid promossi fl-ogħla diviżjoni, din id-darba l-Kampjonat Premier.

Fl-ewwel staġun tagħhom mar-ritorn tagħhom fl-ogħla sfera tal-futbol domestiku, issa fl-era moderna tal-futbol Malti, Melita ma rnexxilhomx iżommu posthom f’din id-diviżjoni u sfaw relegati flimkien ma’ Ħamrun Spartans għall-ewwel diviżjoni tal-istaġun ta’ wara, 2013/14.

L-istaġun li għadda, huma temmew l-ewwel fiċ-Challenge League, biex għall-ħames darba fl-istorja ta’ dan il-klabb b’storja ta’ 92 sena, huma kienu promossi għall-ewwel sena ta’ Kampjonat b’format ġdid, il-Malta Premier.

Id-destin jekk din id-darba Melita humiex se jsalvaw posthom jew le mal-kbar tal-futbol Malti, ikun magħruf għada l-Ġimgħa.

George Vella, kowċ ta’ Naxxar Lions

Naxxar Lions sal-lum lagħbu f’19-il staġun differenti mal-kbar tal-futbol Malti

Naxxar Lions sal-llum kellhom storja ta’ suċċess aħjar minn dik ta’ Melita, fin-numru ta’ drabi li huma kisbu promozzjonijiet għall-ogħla livell tal-futbol Malti.

F’storja ta’ 105 snin, fl-1945/46, Naxxar Lions kisbu l-ewwel promozzjoni storika tagħhom għall-ewwel diviżjoni, u sal-lum huma lagħbu f’19-il staġun differet mal-kbar tal-futbol lokali.

Hu fatt li Naxxar Lions se jkunu qed jibdew bħala l-favoriti li jirbħu dan id-dwell dirett, iżda daqstant ieħor hu fatt, li b’tim mimli talent, anke jekk bħalissa għaddej minn kriżi ta’ riżultati u identitá, ikun żball jekk wieħed jarmi l-kwalitajiet ta’ Melita.