Lokali

Grupp mill-Fondazzjoni SiGMA bi sfidi fi Spanja u l-Afrika ta’ Fuq b’risq proġetti edukattivi

Tletin persuna mill-Fondazzjoni SiGMA se jibdew sfida fejn se jagħmlu r-rotta storika Camino Inglés fi Spanja.

Sfida b’impenn biex jinġabru fondi u għarfien għall-proġetti edukattivi tal-Fondazzjoni SiGMA fl-Etjopja. Il-grupp jinkludi kemm persuni esperjenzati li ġieli għamlu sfidi simili u anke persuni li qed jingħaqdu magħhom biex jesperjenzaw sfida bħal din għall-ewwel darba.

Grupp minnhom se jkunu qed jagħmlu Camino Inglés bejn it-8 u l-15 ta’ Mejju filwaqt li grupp ieħor se jkunu qed jitilgħu l-Muntanja Toubkal, l-ogħla quċċata tal-Afrika ta’ Fuq b’4,167 metru. Din l-espedizzjoni impenjattiva tinkludi duo ta’ ispirazzjoni, parteċipant ta’ 11-il sena u ommu, li t-tnejn ilhom xhur jitħarrġu, apparti l-fondi li ġabru.

Il-fondi miġbura miż-żewġ sfidi se jmorru direttament għall-proġetti li għaddejjin tal-Fondazzjoni SiGMA fl-Etjopja, inkluża l-iskola 3-in-1 li ġiet inawgurata riċentament f’Jimma Bonga, li tipprovdi edukazzjoni u ikel lil 1,000 tifel u tifla.

Barra minn hekk, il-Fondazzjoni qed tiżviluppa Proġett ta’ Empowerment tan-Nisa bil-għan li joffri taħriġ vokazzjonali lil 500 mara fis-sena, li jrawwem l-indipendenza finanzjarja u l-iżvilupp tal-komunità.