Waqt attività soċjali li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech fakkar kif ninsabu biss sentejn ‘il bogħod mill-elezzjoni ġenerali li se tiddetermina liema partit se jkun qed imexxi lil pajjiżna għall-ħames snin ta’ wara.
U kien f’dan l-isfond li Bernard Grech appella sabiex kull persuna turi l-appoġġ u taħdem bla qatigħ ħalli l-poplu jieħu r-ruħ permezz tal-bidla li tant meħtieġa.

Meta indirizza lil dawk preżenti, Bernard Grech sġjega kif din il-bidla hi bżonjuża meta naraw id-diffikultajiet li kull persuna tgħaddi minnhom minħabba n-nuqqasijiet kbar tal-Partit Laburista fil-Gvern. Fost dawn, issemmew l-għoli tal-ħajja u l-kriżi tat-traffiku.

Dan apparti l-korruzzjoni, li indirettament taffetwana sew – hekk kif rajna li esponenti Laburisti, minflok investew fil-poplu, ħadu flus għal buthom. Realtà li tikkonferma l-ħtieġa ta’ bidla fil-Gvern.
Ħafna minn dawk preżenti kellhom reazzjoni tajba għall-proposta li ressaq Bernard Grech fl-aħħar jiem, meta stqarr li Gvern ġdid Nazzjonalista se jneħħi t-taxxa minn fuq l-ewwel €10,000 li ħaddiem jaqla’ mill-overtime, u l-ewwel €10,000 mill-part-time – li wkoll se jkunu eżenti mit-taxxa.

Preżenti għal din l-attività soċjali kien hemm numru ta’ kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar fl-attività li se ssir nhar il-Ħadd li ġej fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Mellieħa, fejn appella biex kullħadd jattendi u jipparteċipa f’din il-laqgħa.
//= $special ?>