Il-ħtieġa ta’ governanza b’viżjoni u politika mfasslin fuq mudell soċjo-ekonomiku sostenibbli u li jħares fit-tul, issa hija urġenti.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista, immexxijja mix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża, għall-Ekonomija u l-Intrapriża, Jerome Caruana Cilia; u x-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, Ivan Castillo.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota r-rapport li għadha kif ħarġet il-KPMG li juri b’mod ċar il-konsegwenzi tat-tip ta’ governanza li għandu bħalissa pajjiżna u b’mod partikolari tal-għażla ta’ politika ekonomika bbażata fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni mingħjar pjan. Dan kollu qed iħalli effetti negattivi fuq bosta oqsma, u li issa qed jinħassu ferm mill-Maltin u l-Għawdxin.
Ir-rapport ippubblikat ikompli jikkonferma dak li ilu jisħaq dwaru l-Partit Nazzjonalista: il-ħtieġa li llum qabel għada pajjiżna jdawwar ir-rotta minn politika ekonomika bbażata fuq l-importazzjoni tal-barranin għal fuq wieħed sostenibbli bbażat fuq setturi ġodda u li joħolqu impjiegi innovattivi għaż-żgħażagħ tagħna.
Ir-rapport iwissi li matul l-aħħar għaxar snin, il-popolazzjoni f’Malta żdiedet bi 32% (135,287 persuna), b’influss qawwi ta’ ħaddiema barranin. Ir-rapport qed jisħaq li dan qed jagħfas fuq is-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura, b’familji li qed isibuha diffiċli jieħdu servizzi ta’ kura u edukazzjoni u akkomodazzjoni xierqa.
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li minkejja li din hi sitwazzjoni li ma żviluppatx mil-lum għal għada, il-Gvern deffes rasu fir-ramel u falla milli jippreżenta pjan nazzjonali dwar il-popolazzjoni, bil-konsegwenzi qed ibatuhom il-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
L-istess rapport juri li r-rata ta’ twelid f’Malta hi fost l-inqas fl-Ewropa (1.06); u l-indikazzjonijiet huma li dan se jwassal għal tnaqqis drastiku fil-popolazzjoni Maltija sal-2075. Ir-rapport tal-KPMG qed jindika li sa 50 sena oħra, il-popolazzjoni tal-Maltin se tinżel għal 240,000, b’erbgħa minn kull għaxra jkunu pensjonanti.
Il-miżuri tal-Gvern, saħqu Jerome Caruana Cilia u Ivan Castillo, biex jilqa’ għal dan kollu huma negliġibbli u aktar intiżi bħala stunts għall-midja milli fuq sostenn reali għall-familji tagħna. Għall-kuntrarju l-Oppożizzjoni ressqet proposti konkreti biex tindirizza din is-sitwazzjoni, li l-Gvern qed jagħżel li jinjora.
Il-qasam tas-saħħa jinsab taħt pressjoni. Minħabba f’hekk u għax il-Gvern abbanduna kompletament dan il-qasam u berbaq il-miljuni li suppost investa fis-saħħa tal-Maltin, issa l-Gvern qed jispiċċa jiddependi dejjem aktar fuq is-settur privat, u qed joħloq sistema ta’ saħħa fejn min jiflaħ l-aktar, jinqeda.
Fl-edukazzjoni, għalkemm ir-ratio ta’ bejn student u għalliema hu f’livelli aċċettabbli, hemm nuqqas serju ta’ investiment, kemm fl-infrastruttura, kif ukoll fit-teknoloġija, u hemm sfidi kbar fejn tidħol inklużjoni għal tfal minn kulturi differenti. L-għalliema huma mifnija bix-xogħol u mhux jingħataw l-appoġġ li jeħtieġu.
Fuq livell ekonomiku, hu ċar li dan il-pajjiż jeħtieġ investiment f’industriji sostenibbli, fl-innovazzjoni u fil-ħiliet tal-futur.
Ix-Shadow Ministers tkellmu wkoll dwar l-għoli tal-ħajja u qalu li l-Gvern qed jgħatti l-problemi b’mod kożmetiku, mhux isolvihom. U anke hawn, proposti tal-Oppożizzjoni biex jindirizzaw l-għoli tal-ħajja, ingħataw il-ġenb.
Fl-akkomodazzjoni pajjiżna għandu kriżi oħra, bil-prezzijiet telgħu b’aktar minn 8%, u l-Gvern huwa kompletament insensittiv għat-tbatijiet ta’ familji u żgħażagħ li qed isibuha dejjem aktar diffiċli jaffordjaw li jixtru dar.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’politika serja, ibbażata fuq pjanijiet nazzjonali li jpoġġu lill-bniedem fiċ-ċentru. L-analiżi tal-KPMG hija ċ-ċavetta għall-bidla meħtieġa. Bidla li trid tibda minn issa.
Il-PN jemmen li biex iseħħ dan, hemm bżonn ta’ investiment fl-infrastruttura biex pajjiżna jlaħħaq mar-realtajiet ġodda, u mudell ekonomiku sostenibbli li jkun kapaċi jagħti lill-Maltin u l-Għawdxin il-kwalità ta’ ħajja li jixirqilhom, sew jekk hux fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fl-ambjent li jgħixu fih u f’kull ma jimpatta l-livell tal-għajxien tagħna.
//= $special ?>