BREAKING NEWS Lokali

Il-Knisja Kattolika għandha Papa ġdid – Robert Francis Prevost

Il-Knisja Kattolika għandha kap ġdid – Papa Ljun XIV.

Ftit minuti wara s-sitta miċ-ċumnija ħarġet daħna bajda – daħna li tissimbolizza ħatra ta’ Papa ġdid.

Il-Kardinali f’Ruma għadhom kemm ivvutaw għar-raba’ darba u qablu b’maġġoranza fuq il-Kardinal li ser jinħatar bħala l-Papa l-ġdid – b’mod effettiv Kap ġdid għall-Knisja Kattolika. Il-Papa l-ġdid Robert Prevost ta’ 69 sena huwa l-ewwel Papa Amerikan, u huwa meqjus bħala riformista.

Bħalissa mijiet ta’ persuni Kattoliċi u anke dawk bi twemmin differenti jinstabu fil-pjazza ta’ San Pietru fil-Vatikan fost ħafna ċapċip, għajjat u daqq ta’ qniepen.

Wara kważi 24 siegħa ta’ votazzjoni sigrieta fil-Kappella Sistina, l-Kardinali qablu fuq mill-anqas żewġ terzi ta’ voti li jfisser li mill-anqas kien hemm qbil ta’ 89 vot minn 133. Mija tlieta u tletin kienu dawk il-kardinali eleġibbli biex jivvutaw u li pparteċipaw fil-konklavi – b’ħafna minnhom kienu magħżulin mill-Papa Franġisku nnifsu. Preċiżament il-Papa Franġisku għażel 99 minnhom. Fost dawk magħżula hemm il-Kardinal Malti, Mario Grech.

Il-Papa l-ġdid ser ikun167 suċċessur ta’ Pietru.

Il-Papa l-ġdid aċċetta l-pożizzjoni l-ġdida tiegħu. Bil-Kardinal proto-djaknu, Dominique Mamberti ħareġ fil-loġġa u ħabbar lill-poplu li l-Papa l-Ġdid huwa Robert Francis Prevost.

Wara l-Papa Ljun XIV ħareġ fil-loġġa jsellem lill-poplu u wara ta l-ewwel diskors tiegħu.