Lokali Opinjoni

Ir-‘rebħa’ ta’ gwerra twila u qalila li ħalliet feriti fondi fuq Malta

Fir-ritratt tidheril-folla fost kwantità kbira ta’ bnadar kbar u bil-bini mġarraf fl-isfond.
It-80 sena mill-VE Day

minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon
u Il-Mument

Hu pjuttost ironiku li bħal-lum 80 sena, l-‘Alleati’ fl-Ewropa – u allura anki Malta – iċċelebraw ir-‘rebħa’ tat-Tieni Gwerra Dinjija għaliex, kif spiss kien isostni l-Papa Franġisku, fi gwerra m’hemmx rebbieħa… hemm biss telliefa. Madankollu ċ-ċelebrazzjoni kienet f’waqtha għaliex l-Ewropa kienet tat daqqa mortali lill-Faxxiżmu u lin-Naziżmu.

Malta ‘rebħet’ ukoll iżda kellha tħallas prezz għoli ħafna. Infatti f’dawk is-snin tal-gwerra kien hemm 1,581 Malti u Maltija li tilfu ħajjithom; 3,780 oħra korrew serjament; kien hemm 3,340 air raid, u eluf kbar ta’ nies sofrew it-tkissir u l-qerda ta’ djarhom. Knejjes Maltin intlaqtu wkoll. 

Meta tqis dan kollu, u iktar, allura ma tlumx lill-Maltin li 80 sena ilu – fit-8 ta’ Mejju 1945 – iċċelebraw b’ferħ ġenwin it-tmiem ta’ gwerra qerrieda u diżastruża.

7 TA’ MEJJU, 1945: L-iffirmar uffiċjali taċ-ċediment tal-gwerra min-naħa tal-Ġermanja. Il-firma saret mill-Ġeneral Alfred Jodl f’Reims fi Franza.

Xi ċċelebrat il-VE Day

B’mod ġenerali, il-VE Day fakkret meta l-Alleati – il-pajjiżi li kienu qed jiġġieldu kontra l-Ġermanja Nazista u l-Italja Faxxista, ewlenin fosthom ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, l-Unjoni Sovjetika u ċ-Ċina – kienu aċċettaw iċ-ċediment formali tal-Ġermanja wara kwazi sitt snin ta’ gwerra. Importanti li wieħed ifakkar li dik id-data kienet it-tmiem tal-gwerra fl-Ewropa għaliex il-Ġappun – li kien fuq in-naħa tan-Nazisti – kien baqa’ jirreżisti sa Awwissu tal-1945.

Iċ-ċediment min-naħa tal-Ġermanja kien sar fil-ħdax ta’ billejl tas-7 ta’ Mejju 1945 f’Reims, Franza, fil-preżenza ta’ rappreżentant tal-Armata l-Ħamra tal-Unjoni Sovjetika, u kmandant għoli tal-Qawwa tal-Ajru Ingliża. Preżenti għall-iffirmar u, allura, xhieda ta’ dan iċ-ċediment, kien hemm ukoll rappreżentant tal-Armata Franċiża, u ieħor mill-Air Force tal-Istati Uniti.

Kien allura issa jmiss li d-dinja ħielsa tiċċelebra dak l-avveniment eċċezzjonali li ta nifs ġdid lil miljuni ta’ nies madwar l-Ewropa kollha wara snin ta’ ġlied, imwiet, u  tbatija bla limitu.

F’Londra mijiet ta’ eluf ħarġu fit-toroq jiċċelebraw u kienu ħafna dawk li marru fiz-zona ta’ Whitehall minn fejn il-Prim Ministru Churchill għamel id-diskors tar-rebħa.

Ċelebrazzjonijiet simili saru fil-pajjiżi Ewropej kollha waqt li fl-Italja u l-Ġermanja – iż-żewġ ‘telliefa’ prinċipali – kienu ħafna wkoll li ngħaqdu mas-suldati tal-alleati biex huma wkoll jifirħu bit-tmiem tar-reġimi li sa dak iż-żmien, u għal ħafna snin qabel, kienu ħonqulhom il-libertà u kkawżaw il-qtil ta’ mijiet ta’ eluf mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni.

F’Malta, it-tbatija diretta tal-gwerra kienet ilha ftit li battiet iżda l-effetti tagħha baqgħu jinħassu għal ħafna snin wara. Minkejja dan bħal-lum 80 sena, Malta  wkoll ngħaqdet mal-kumplament tal-Ewropa biex tiċċelebra meta l-Ewropa nħallet mill-ktajjen qalila tal-Faxxiżmu u tan-Naziżmu.

Is-sett ta’ ħames bolol maħruġ minn Malta fl-2005 biex ifakkar is-60 sena mit-tmiem uffiċjali tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Bolol Maltin li jfakkru tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija

Kienu diversi l-bolol Maltin li jfakkru t-Tieni Gwerra Dinjija u t-tmiem uffiċjali tal-VE Day. Fost dawn kien hemm is-sett pubblikat fl-2005, is-60 anniversarju ta’ din l-okkażjoni.

Is-sett ta’ ħames bolol kien disinjat minn Richard J. Caruana, u stampat fil-Printex Ltd., ta’ Ħal Qormi. Il-bolol kellhom valur ta’ 2ċ, 5ċ,25ċ,51ċ u Lm1.

Il-bolla tat-2ċ kienet dedikata lill-popolazzjoni li sofriet saħansitra l-mewt, il-ġieħ u t-telf ta’ proprjetà; il-bolla ta’ 5ċ turi attakk fuq vapur tar-Royal Navy, il-bolla ta’ 25ċ turi l-ħsara enormi kawżata lill-knisja ta’ San Publju fil-Furjana, il-bolla ta’ 51ċ dedikata lill-piloti qalbiena tal-alleati; u l-bolla ta’ Lm1 turi l-wasla tal-konvoj ta’ Santa Marija li salva  lil Malta.

Il-folol ta’ Maltin fi Strada Rjali fil-VE Day, it-8 ta’ Mejju 1945

Malta tiċċelebra bil-kbir it-tmiem uffiċjali tat-tieni gwerra dinjija

Fil-VE Day (Victory Europe Day) ta’ 80 sena ilu, il-Maltin spontanjament issieħbu ma’ tant miljuni fl-Ewropa kollha (u fl-Istati Uniti u l-Kanada wkoll) biex iċċelebraw dan il-jum storiku li fih, formalment l-uffiċjalment, kienet ġiet fi tmiemha l-misħuta gwerra dinjija li kienet ilha sejra sitt snin.

L-aħbar li l-Ġermanja kienet qanqlet ċelebrazzjonijiet spontanji fid-dinja tal-Punent, partikolarment fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti, b’miljuni ta’ nies joħorġu fit-toroq biex jiċċelebraw il-ferħ kbir tagħhom. F’Londra kien ir-Re Ġorġ u bintu Elizabeth, kif ukoll il-PM Churchill, li dehru fil-gallarija ta’ Buckingham Palace jsellmu lill-folol ferrieħa.

Malta ngħaqdet mad-dinja ħielsa f’din iċ-ċelebrazzjoni tant mistennija. Fil-Belt Valletta, il-Maltin ingħaqdu ma’ numru kbir ta’ nies tas-Servizzi Ingliżi u barranin oħrajn, qabdu jdejn xulxin u mxew flimkien minn Strada Rjali li kienet imżejna bi bnadar Maltin u oħrajn tar-Renju Unit.

F’atmosfera ta’ ferħ u serenità, magħhom ingħaqdu wkoll baned Maltin u dan kollu fl-isfond tad-daqq tal-qniepen tal-knejjes.

Meta r-rebħa definittiva fl-Ewropa keient dikjarata uffiċjalment mill-PM Winston Churchill f’diskors tal-okkażjoni f’Londra, imxandar ukoll fil-pjazza tal-Palazz, il-folol infexxew f’mewġa kbira ta’ ferħ. Magħhom ingħaqdet il-qanpiena l-kbira tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u ta’ knejjes oħrajn tal-viċin u tal-bogħod.

Sadattant Strada Rjali kienet mifqugħa bin-nies li tabilħaqq kienu f’burdata ta’ kuntentizza inkontenibbli bħal qatt qabel.

Dan il-ferħ kien, fil-verità, qed jinħass ma’ Malta kollha tant li f’ħafna lokalitajiet sar tiżjin tal-okkażjoni fejn iddominaw il-bnadar ta’ Malta, tar-Renju Unit, u f’ċerti każi anki tal-Istati Uniti.

Ir-rebħa kienet inkisbet b’sagrifiċċji u tbatija enormi waqt li l-futur ta’ eluf ta’ Maltin kien inċert aktar minn qatt qabel iżda dakinhar kien hemm spazju biss għall-ottimiżmu, il-ferħ, u r-ringrazzjament lil Alla li, sa fl-aħħar, il-poplu seta’ jimraħ fil-libertà u mhux aktar priġunier f’xi xelter jew f’xi post ieħor kunsidrat ‘sikur’.

■ Intant il-gwerra kienet għadha ma ntemmitx għalkollox għaliex il-Ġappun kien għadu jikkumbatti. Dawn iżda ċedew ukoll u, hekk, finalment, l-‘għedewwa’ kollha kienu issa rtiraw mill-gwerra. Dan reġa’ xpruna ċelebrazzjonijiet oħrajn f’Malta fil-lejl ta’ qabel il-15 ta’ Awwissu 1975.

Il-Maltin riedu jiċċelebraw din il-ġrajja b’wirja ta’ radd il-ħajr, b’purċissjonijiet reliġjużi u bid-daqq tal-baned.

Folol kbar ta’nies reġgħu daħlu l-Belt. Fi Strada Rjali mxew żewġ karrijiet trijonfali, wieħed minnhom bi xbieha ta’ gżira b’salib b’kuruna kbira bil-weraq tar-rand u palma, bħala tifsira tas-sagrifiċċju ta’ dawk li taw ħajjithom għal art twelidhom.Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Mikiel Gonzi ċċelebra pontifikal li ntemm bil-kant tat-Te Deum, it-talba ta’ radd il-ħajr.

Tliet monumenti ta’ tifkira

Malta hi miżgħuda b’monumenti li jfakkru dawk li tilfu ħajjithom fi żmien il-gwerra u dawn huma mxerrdin mal-pajjiż kollu. Madankollu, it-tlieta ewlieni jinsabu fil-Belt Valletta u fil-Furjana.
■ L-aktar monument riċenti minn dawn it-tlieta hu dak magħruf bħala ‘tal-Qanpiena’ li jinsab fil-parti t’isfel tal-Bastjun ta’ San Kristofru, iħares lejn il-Port il-Kbir. (Fir-ritratti l-ewwel mix-xellug).
Dan il-monument, li kien inawgurat mir-Reġina Eliżabetta f’Mejju 1992, inbena biex ifakkar il-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija u wkoll fil-50 anniversarju mill-għoti tal-George Cross.
■ Monument ieħor b’tifkira ta’ dawk li tilfu ħajjithom fit-Tieni Gwerra, din id-darba għall-piloti tal-ajruplani minn pajjiżi tal-Commonwealth u li m’għandhomx qabar, jinsab il-Furjana faċċata tal-Lukanda Phoenicia.
Il-monument (fin-nofs) jikkonsisti f’kolonna għolja aktar minnn 15-il metru u magħmula minn irħam li nġieb minn Ruma. Fuq il-quċċata hemm ajkla tal-bronż indurat… l-emblema tal-RAF. Kien inawgurat ukoll mir-Reġina Eliżabetta f’Mejju 1954.
■ It-tielet monument (lemin) jinsab fil-Furjana wkoll u oriġinarjament kien inbena biex ifakkar dawk li mietu fl-Ewwel Gwerra iżda fl-1949 kien dedikat ukoll għal dawk li mietu fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-monument, xogħol tal-artist Malti Louis Naudi, kien orġinarjament inawgurat mill-Gvernatur Bonham Carter fil-11 ta’ Novembru 1938 u, kull sena, issir quddiemu ċerimonja ta’ tifkira.

It-tieqa fi knisja fi Newcastle. Fuq ix-xellug jidhru żewġ dettalji minn din it-tieqa: l-emblema tal-G.C. Island Association, u wieħed mill-ajruplani ‘Maltin’ fil-gwerra, bl-isem ta’ HOPE

FIR-RENJU UNIT

Tieqa ornamentali fi knisja fi Newcastle

Waħda mid-diversi tifkiriet dwar Malta fit-Tieni Gwerra li jinsabu fir-Renju Unit hi dik inawgurata fis-sena 2000 fil-Knisja Anglikana dedikata lil San Tumas Beckett fi Newcastle Upon Tyne. Din hi tieqa ornamentali (stained glass) kbira 1.2 metru bi 2.7 metri, bi xbihat konnessi ma’ Malta fit-Tieni Gwerra.

Din it-Tieqa, li saret bl-inizjattiva tal-George Cross Island Association, turi lil San Pawl u San Luqa (fil-parti t’isfel) u l-kumplament hu kollu riservat għal immaġini tal-gwerra fosthom ajruplan bil-kelma HOPE fuqu.

Hemm ukoll, kif jixraq, referenza għall-George Cross Island Association.

Fi Straffordshire

Monument ieħor tal-Malta George Cross Island Association jinsab fin-National Memorial Arboretum fil-villaġġ ta’ Alrewas fi Staffordshire. Dan l-Arboretum inbena proprju biex jagħti ġieħ lill-mejtin tal-gwerra. Il-monument (xellug) (jikkonsisti f’kolonna baxxa b’kitba li tfakkar l-eroj Maltin u din tinsab imdawra b’ċint li jifforma s-salib tradizzjonali ta’ Malta.                 

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 8 ta’ Mejju, 2025.