“Kull qatra demm hija qatra tama”, qal l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia. Huwa qal li kull persuna li tagħti d-demm tkun qiegħda xxerred tama lil dawk li jkunu qed jgħaddu minn mumenti diffiċli, u li bi ftit ġenerożità nistgħu noħolqu differenza kbira fil-ħajjiet ta’ ħaddieħor.
Dan qalu meta ċ-Ċentru Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-Demm, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Ispeaker u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, wasslu l-messaġġ tagħhom quddiem il-Blood Mobile Unit, li kienet għad-dispożizzjoni ta’ eluf li setgħu jagħtu d-demm waqt li jżuru l-belt kapitali ta’ pajjiżna. Din l-inizjattiva kienet ukoll parti mill-attivitajiet li jfakkru d-69 anniversarju mit-twaqqif tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
L-Ispeaker sejjaħ għal spirtu ta’ solidarjetà, fejn kullħadd jagħti l-kontribut tiegħu sabiex dejjem ikun hemm biżżejjed dmija għal kull eventwalità. Huwa sostna li l-għoti tad-demm huwa att ta’ mħabba u responsabbiltà lejn xulxin, u ħeġġeġ lil kull ċittadin għandu jikkunsidra li jagħmel din id-donazzjoni li tista’ tfisser id-differenza bejn il-ħajja u l-mewt għal ħadd ieħor.
L-Ispeaker fakkar ukoll il-memorja ta’ Papa Franġisku u l-wirt li ħallielna din is-sena – il-ġublew tat-tama, li fil-messaġġ tiegħu, dejjem insista fuq is-solidarjetà, il-karità u l-ġenerożità lejn xulxin.
L-Ispeaker faħħar l-inizjattiva li tittieħed b’tant interess mill-impjegati tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal flimkien mal-impjegati tal-Parlament li jassiguraw li din l-attività tinżamm kull sena.
Il-konferenza stampa kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal il-Ministru Michael Falzon, il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia, u l-Membru Parlamentari Adrian Delia, Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, li ngħaqdu lkoll mal-messaġġ tal-Ispeaker u appellaw sabiex kull min jista’ jara li jagħti d-demm.
