Lokali

“L-opportuniżmu mhuwiex il-kejl ta’ governanza tajba” – PN

Il-PN jistenna li l-Kunsillieri Laburisti f’Ħal Għargħur jissostanzjaw l-allegazzjonijiet li qed jagħmlu biex jippruvaw iħammġu lis-Sindku

L-opportuniżmu mhuwiex kejl ta’ governanza tajba.

Dak li qed jagħmel il-Gvern ta’ Robert Abela permezz tal-Kunsillieri tiegħu fil-Kunsill ta’ Ħal Għargħur mhu xejn għajr opportuniżmu politiku li jarmi għalkollox ir-rieda espressa mir-residenti permezz tal-proċess demokratiku li fuqu mibni dan il-pajjiż – dak tal-elezzjonijiet. 

Il-Partit Laburista qed jipprova jiġġustifika attakk politiku faxxista fuq id-demokrazija f’Ħal Għargħur. Bil-mozzjoni ppreżentata mill-Kunsillieri tal-Partit Laburista u l-Kunsilliera Indipendenti, iridu jtajru lis-Sindku Helen Gauci.

Fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ta’ Ġunju 2024, il-poplu ta’ Ħal Għargħur għamel għażla ċara: ried li l-Partit Nazzjonalista imexxi l-lokalità b’Helen Gauci bħala Sindku. Din l-għażla trid tiġi rispettata, u l-ebda manuvra politika minn minoranza li ma ġietx fdata bit-tmexxija mhi se tbiddel dak li vvutaw għalih l-Għargħurin.

Il-Kunsillieri li qed jippruvaw jieħdu l-kontroll tal-Kunsill qed jixħtu fuq is-Sindku responsabbiltajiet li jafu li l-liġi tgħid li huma responsabbiltà tas-Segretarju Eżekuttiv u mhux tagħha. Aktar minn hekk, kif joħroġ ċar mill-minuti tal-Kunsill stess, mill-bidu ta’ din is-sena ’l hawn taħt it-tmexxija ta’ Helen Gauci bħala Sindku, sar progress kbir biex tiġi rranġata s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur.

Dan, il-Kunsillieri Mariah Meli, Christopher Fenech u Francesca Attard suppost jafuh sew.

Il-Partit Nazzjonalista qed jistenna lil dawn it-tliet Kunsillieri jelenkaw in-nuqqasijiet li qed jallegaw u jippubblikawhom.

Sakemm ma jagħmlux dan, ħadd mhu se jemmen l-allegazzjonijiet li qed jagħmlu biex iħammġu isem is-Sindku Helen Gauci li waħedha ġabet aktar voti mit-tliet Kunsillieri li qed jippruvaw itajruha f’daqqa. Żgur li dawk li vvutaw b’saħħa għas-Sindku mhux jemmnuhom, u bl-aġir tagħhom, lanqas min ivvutalhom mhu se jibqa’ jemmen li l-interess ta’ dawn it-tliet Kunsillieri huma r-residenti u l-lokalità.

Dan intqal fi stqarrija minn Liam Sciberras, President, Kullegg Kunsillieri Lokali Partit Nazzjonalista u Emvin Bartolo id-Direttur Kunsillieri Lokali Partit Nazzjonalista.