Il-Kumitat Olimpiku Malti se jkun rappreżentat fl-20 edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra b’kontinġent ta’ 108 atleta u 49 uffiċjal fosthom erba’ judges.
B’hekk Malta għal darb’oħra mill-1985 se tkun fost id-9 pajjiżi f’pajjiż li diġà organizza l-Logħob fl-1991 u fl-2005.
Oriġinarjament din l-edizzjoni kellha ssir fl-2021 iżda tħassret minħabba l-COVID.
Dettalji dwar il-partecipazzjoni Maltija ngħataw mill-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello; li ħabbar ukoll li t-tennista Francesca Curmi u l-atleta Jarred Micallef se jġorru l-bandiera Maltija fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ f’Estadio Nacional, f’Andorra La Vella.
Dwar is-settur tekniku u x’wieħed jistenna minn dan il-Logħob, daħlet fid-dettal Charlene Attard bħala Direttur tal-Isport.
B’kollox fil-programm ta’ Andorra hemm 11-il dixxiplina fejn Malta se tkun limitata f’ċerti dixxiplini. Fil-basketball, Malta se tieħu sehem fit-3 X 3 irġiel u nisa, u fir-Rugby 7’s bit-tim tal-irġiel. Malta mhux se tieħu sehem fil-volleyball u judo filwaqt li tirritorna il-ġinnastika u għall ewwel darba Malta se tikkompeti f’għawm artistiku.
Attard ikkummentat li l-għan huwa li Malta tikseb l-aħjar riżultat possibbli f’edizzjoni barra pajjiżna fejn ukoll attwalment hemm numru ta’ atleti li qed isegwu kamp ta’ taħriġ barra pajjizna minħabba l-fattur tal-altitudini.
Chef de Mission tal-kontinġent Malti huwa Daniel Farrugia Tanti fejn ta dettalji dwar il-logistika tal-Logħob fejn il-kontingent Malti jitlaq fil-25 ta’ Mejju u jirritorna fit-2 ta’ Ġunju.
//= $special ?>