Internazzjonali

“Naħdmu flimkien bħala poplu wieħed għal paċi mingħajr biża'” – Papa Ljun XIV

Catriel Farrugia Sghendo

Fl-ewwel kummenti tiegħu, hekk kif indirizza l-mijiet ta’ eluf li nġabru fi Pjazza San Pietru, Papa Ljun XIV viżibilment emozzjonat saħaq li din it-tislima ta’ paċi tilħaq lil kull familja u lid-dinja kollha.

Huwa saħaq li l-aħħar barka ta’ Papa Franġisku għada tidwi f’widnejn kulħadd u insista li ninsabu f’idejn Alla u għaldaqstant il-ħażen mhux se jkun qiegħed jirbaħ.

Papa Ljun XIV ħeġġeġ lil kulħadd sabiex nibnu l-pontijiet bil-għan li nkunu poplu wieħed f’paċi u djalogu.

Huwa rringrazzja lil Papa Franġisku u lil Kardinali kollha li għażluh biex ikun is-Suċċessur ta’ Pietru. Prevost insista fuq il-paċi u l-ġustizzja sabiex bħala nisa u rġiel jaħdmu flimkien mingħajr biża’.

Saħaq ukoll dwar il-bżonn li l-Knisja tkun viċin dawk li qed isofru t-tbatija. Huwa insista kemm-il darba fuq il-paċi, fuq l-għaqda, fuq kif ninsabu fi żmien fejn huwa imperattiv li nfittxu l-għaqda bejnietna u fi Kristu bil-għan li l-ħażen ma jitrijonfax.

Fl-ewwel diskors bħala Papa Ljun XIV  irringrazzja lill-Papa Franġisku għall-mod eżemplari kif hu mexxa lill-Knisja lejn ‘orizzonti ġodda’ …Dan waqt li wiegħed biex jimxi fl-istess passi, bil-għan li ‘jibni l-pontijiet waqt li jkattar sens kollettiv ta’ solidarjetà fost il-ġnus’.

Hu qal li jrid jiżviluppa lill-Knisja f’entità li timpenja ruħha għall-ħidma karitatevoli u livell akbar ta’ ġustizzja soċjali fl-interess tal-umanità.

Il-Papa ġdid, imbagħad, awgura ‘il-paċi lil kulħadd’ Messaġġ li hu ried iwassal ‘liċ-ċittadini u l-familji kollha tad-dinja irrispettivament mil-lokalitajiet tagħhom’. Hu fl-istess ħin, ried li l-ewwel azzjoni tiegħu bħala Papa tinvolvi messaġġ ta’ barka lin-nies – l-istess bħalma kien għamel il-Papa Franġisku ftit wara li kien ikkonfermat Kap tal-Kattoliċi, fl-2013.

Il-Kardinal Amerikan Robert Francis Prevost inħatar bħala l-267 Papa wara li mar-raba vot tal-konklavi rnexxielu jikseb iż-żewġ terzi tal-voti mingħand il-133 Kardinal fil-Kappella Sistina.

Huwa twieled f’Chicago fl-1955 u kien ordnat qassis lura f’Ġunju tal-1982 bħala Agostinjan.

Fl-età ta’ 69 sena, Prevost serva bħala l-prefett tad-Dekasteru tal-Isqfijiet kif ukoll bħala l-President tal-Pontifikal tal-Kummissjoni tal-Amerika Latina magħżul proprju minn Papa Franġisku f’Jannar tal-2023.

Robert Francis Prevost għandu esperjenza twila wkoll fil-Perù tant li parti mill-indirizz tiegħu kien ukoll bil-lingwa Spanjola. Tajjeb wieħed jinnota li Prevost għandu ċittadinanza doppja hekk kif kien kiseb dik Peruvjana.

Huwa l-ewwel Papa li ġej mill-Amerika ta’ Fuq.

Iżda filwaqt li hemm is-sitwazzjoni ġeo-politika preżenti fejn, lura fi Frar ta’ din is-sena Robert Prevost kien saħansitra kkoreġa lill-Viċi President Amerikan JD Vance meta Vance kien sostna f’intervista ma’ Fox News li huwa aktar Nisrani meta wieħed jipprijoritizza l-familja qabel xi ħadd ma tafux. Hawn Prevost insista fuq il-midja soċjali ta’ X, li Vance kien totalment żbaljat. Dak li illum għadu kif intgħażel Papa, Ġesù ma jistaqsix jew ma jitlobx biex nkejlu l-imħabba tagħna skont min ikun ħaddieħor.

Tajjeb nisħqu li Papa Ljun XIII, ċioè l-aħħar Papa li ħa dan l-isem, kien wieħed magħruf għal komunikattiva tiegħu, kif ukoll għad-djalogu biex tejjeb ir-relazzjoni bejn id-dinja Kattolika u d-dinja. Dan ifisser li Papa Ljun XIII kien wieħed riformista – fatt li jaf jorbot sew mar-raġuni għalfejn Robert Francis Prevost ħa l-isem tal-pontifikal tiegħu bħala Ljun XIV.

L-għażla ta’ Prevost kienet pjuttost sorpriża għal ħafna meta qabel, bħala favoriti, kienu qed jissemmew il-Kardinali Pietro Parolin (Taljan); Luis Antonio Taigle (Filippin) u anki l-Kardinal Għawdxi Mario Grech li, għal ħafna snin, kien spalla importanti għall-Papa Franġisku li miet jiem ilu fl-età ta’ 88 sena.

Iżda għalkemm ismu ma ssemmiex daqstant waqt id-diskors ta’ qabel il-konklavi, dan il-Kardinal hu magħruf ukoll bħala element importanti fl-iżvilupp tl-Knisja bħala protagonista fix-xena internazzjonali.