Ian Barbara
Kunsillier Kunsill Lokali Birgu
Valuri li b’mod personali wassluni biex naċċetta din il-mixja politika b’sens ta’ servizz. Kważi għaddiet sena minn meta l-poplu tal-Birgu tani l-fiduċja tiegħu biex nirrappreżentah f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali.
Għalkemm kont l-uniku kandidat tal-PN fuq il-vot, kelli l-unur li nkun it-tieni l-iktar persuna li ġibt voti wara s-Sindku, sinjal ta’ fiduċja pero responsabilita’ kbira.
It-Tieni Distrett, b’mod partikolari t-tlett Ibliet, għandhom storja mmarkata b’reżiljenza, sagrifiċċju u ħidma bla waqfien, valuri li għadhom preżenti fil-familji tagħna sal-lum. Huma proprju dawn il-prinċipji li jispirawni fil-ħidma tiegħi ta’ kuljum fil-Kunsill Lokali tal-Birgu.
Meta ġejt fdat mis-Sindku John Boxall bid-dekasteri tal-‘komunitajiet’, ‘edukazzjoni’ u ‘materji legali’, fhimt li dawn mhumiex biss responsabbiltajiet amministrattivi, iżda pilastri essenzjali biex nibnu Birgu aktar b’saħħtu u magħqud.
Fil-qasam tal-komunitajiet, huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li ngħid li, minkejja ċ-ċokon ġeografiku tal-Birgu, għandna komunità vivaċi u attiva. Għandna diversi għaqdiet li jaħdmu bla heda biex jagħtu ħajja lil Birgu b’attivitajiet matul is-sena kollha.
Fosthom insibu l-Kummissjoni Ġimgħa l-Kbira Birgu, li b’dedikazzjoni kbira toħloq atmosfera ta’ riflessjoni u tradizzjoni reliġjuża. Insibu ukoll il-Klabb tar-Regatta Birgu u l-Klabb tal-futbol Vittoriosa Stars, li mhux biss jirrappreżentaw lil Birgu fil-kompetizzjonijiet sportivi imma wkoll isaħħu l-ispirtu komunitarju b’sens qawwi ta’ identità u jservu ta’ pjattaforma għaż-żgħażagħ tagħna biex jiżviluppaw kemm fuq livell sportiv kif ukoll fuq livell personali.
Importanti ħafna wkoll li nsemmu ż-żewġ għaqdiet mużikali prestiġjużi tal-Birgu: is-Soċjetà Mużikali San Lawrenz u l-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own, li permezz tal-ħidma u l-impenn tagħhom iżommu ħajja t-tradizzjonijiet mużikali tagħna u joffru diversi attivitajiet kulturali li jsawru l-identità tagħna bħala komunità.
Impenn lejn il-lokal minn diversi għaqdiet
Dawn huma uħud mill-għaqdiet fil-qalba tal-ħajja soċjali u kulturali tal-Birgu, u jagħtu eżempju ċar ta’ kif l-għaqda, l-imħabba lejn il-lokal u l-ħidma volontarja jistgħu jagħmlu differenza kbira.
Fl-edukazzjoni, ħdimt biex isaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel lokali u l-Kunsill. Nemmen bis-sħiħ li l-edukazzjoni hija l-pedament għall-ħolqien ta’ opportunitajiet.
Il-mira tiegħi hi li jissaħħaħ id-djalogu mal-edukaturi u l-ġenituri kif ukoll ikun hemm inizjattivi ġodda sabiex biex kull tifel u tifla fil-Birgu jkollhom l-għodda u l-għajnuna li għandhom bżonn biex jirnexxu.
Fir-rigward tal-materji legali, ħdimt biex l-operat tal-Kunsill ikun effiċjenti, trasparenti u dejjem immexxi bl-aħjar interessi tar-residenti tagħna. Qed nagħmel ħilti biex nressaq serjetà u professjonalità f’dan il-qasam, fid-dawl tal-fatt li dan id-dekasteru jinvolvi suġġerimenti fuq regolamenti u liġijiet u inizjattivi li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies.
Jum il-Ħaddiem ifakkarna li l-progress hu frott l-isforz kollettiv. Huwa jum biex niċċelebraw lil dawk li jissagrifikaw, u li jaħdmu għal futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-familji ħaddiema tal-Birgu u l-Kottonera, li tant ħadmu u għadhom jaħhdmu fl-industriji u f’xogħlijiet ta’ servizz lejn il-pajjiż, huma l-pedament tal-komunità tagħna.
Bħala Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista għall-Belt Vittoriosa, nerġa’ nwiegħed li nibqa’ l-vuċi tagħkom u naħdem b’onestà, dedikazzjoni u kuraġġ. Ser nibqa’ nkun ta’ servizz għalikom, inwassal il-bżonnijiet tagħkom quddiem il-Kunsill, u naħdem biex il-Birgu jibqa’ jissaħħaħ u jimxi ‘l quddiem b’rispett lejn il-wirt u l-valuri tiegħu.
Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-Kulleġġ Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista talli tani l-opportunità li nikteb dan l-artiklu u naqsam il-ħsibijiet tiegħi magħkom bħala kunsillier.