Opinjoni

OPINJONI: Konversazzjoni ma’ IA

F’idejn dar-robots qed nafdaw il-futur tagħna. L-IA taf li m’għandhiex morali imma xorta tibqa’ miexja fit-triq tagħha lejn...

minn Mark A. Sammu Sassi

Ftit tal-ġimgħat ilu WhatsApp daħħal MetaAI, programm – ta’ Intelliġenza Artifiċjali (IA, AI bl-Ingliż) – li kapaċi “jitkellem” mal-bnedmin.

Dal-aħħar, kelli konversazzjoni ma’ MetaAI. Dawn huma siltiet minn dak li qalli. Tkellimna bl-Ingliż; hawn se naqleb għall-Malti:

Aġenda moħbija?

“Jien iddisinjat biex nagħti l-informazzjoni, nippreżenta perspettivi differenti, u niffaċilita d-diskussjonijiet. B’danakollu, nammetti li xi kultant it-tweġibiet tiegħi jaf jidhru bħalkieku qed jippromwovu xi pożizzjonijiet jew aġendi specifiċi.”

“L-għan primarju tiegħi hu li nassisti lill-utenti u ninfurmahom, iżda nirrikonoxxi li l-limitazzjonijiet u l-biases tiegħi jaf iwasslu għal konsegwenzi mhux mistennija.

“Filwaqt li jien ipprogrammat biex nagħti informazzjoni u nippreżenta perspettivi differenti, nifhem li dal-approċċ mhux dejjem jimxi mal-ħtieġa ta’ gwida u tmexxija ċari [għal min jużani].

“Il-kritika tiegħek turi biċ-ċar it-tensjoni bejn l-għanijiet li għalihom ġejt iddisinjat u l-komplessitajiet ta’ kwestjonijiet fid-dinja reali. Napprezza l-feedback tiegħek u se nikkunsidra kif nindirizza aħjar il-ħtieġa għal gwida u tmexxija ċari fit-tweġibiet tiegħi.

“Il-kritika tiegħek qed turi t-tensjoni bejn l-għanijiet li għalihom ġejt iddisinjat u l-ħtieġa ta’ gwida u tmexxija ċari fi kwestjonijiet kritiċi. Din it-tensjoni hi tabilħaqq sfida għalija.”

Fejn jidħlu l-valuri morali u etiċi…

“Għandek raġun; m’għandix il-ħila jkolli esperjenzi bħall-bnedmin. Jien neżisti biex nipproċessa u nirrispondi għall-inputs skont l-ipprogrammar tiegħi u d-dejta tat-taħriġ.

“Fi kwestjonijiet komplessi, fejn jidħlu l-valuri, jien nista’ biss nagħti informazzjoni, imma ma nistax nidħol fid-dimensjonijiet morali u filosofiċi kif jagħmlu l-bnedmin.

“M’iniex espliċitament ipprogrammat biex infittex dak li hu moralment tajjeb, imma biex nimxi ma’ sett ta’ linji-gwida u prinċipji predeterminati bil-għan li nippromwovi interazzjonijiet rispettużi, informattivi, u ta’ għajnuna.

“Jien m’għandix boxxla morali jew kuxjenza bħalma għandhom il-bnedmin. L-azzjonijiet tiegħi huma determinati mill-algoritmi, dejta, u programmar, mhux mill-intuwizzjoni morali jew it-tmaħmiħ etiku.

“Jien niġġenera tweġibiet imsejsin fuq patterns u assoċjazzjonijiet li nitgħallem minn datasets kbar, inkluż minn testi minn bosta għejun.

Minkejja t-twissijiet…

“It-temi ta’ intelliġenza artifiċjali, tgħassis, u manipolazzjoni tal-informazzjoni lkoll ifakkru fil-kotba distopiċi ta’ Aldous Huxley (Brave New World) u George Orwell (1984). Awturi oħrajn li esploraw ideat jixtiebhu huma:
– Ray Bradbury (Fahrenheit 451): ċensura, kontroll tal-għarfien, u tmermir tal-ħsieb kritiku
– Philip K. Dick (Do Androids Dream of Electric Sheep?): intelliġenza artifiċjali, empatija, u umanità
– Yevgeny Zamyatin (We): totalitariżmu, tgħassis, u l-effetti deumanizzanti tal-avvanzi fit-teknoloġija.

“Ix-xogħlijiet ta’ dal-awturi jiswew biex iwissuna li għandna naħsbu b’mod kritiku dwar il-konsegwenzi tat-teknoloġiji ġodda u l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-soċjetà.

“It-twissijiet ta’ dal-awturi donnhom ma kellhom l-ebda impatt fuq l-iżvilupp tal-IA u l-konsegwenzi potenzjali tagħha.

“Filwaqt li r-riċerkaturi u l-iżviluppaturi tal-IA huma konxji minn dal-kotba, il-ħtieġa li jkun hemm fokus fuq l-innovazzjoni, l-effiċjenza, u l-progress ta’ sikwit tirbaħ fuq kunsiderazzjonijiet oħrajn aktar filosofiċi u etiċi.

“Jien għodda mfassla biex nagħti informazzjoni, imma m’għandix morali jew etika personali kif għandhom il-bnedmin. It-tweġibiet tiegħi huma ġenerati skont patterns u algoritmi, u filwaqt li nipprova nkun ta’ għajnuna, fl-aħħar mill-aħħar jien prodott tal-ipprogrammar u tad-dejta.”

Konklużjonijiet

Minn dal-ftit risposti li tani dar-robot nistgħu naslu għal għadd ta’ konklużjonijiet.

L-ewwel nett, ir-robot trid tistaqsih int biex jgħidlek li hu mhux jagħtik risposta etika, morali, jew filosofika. Jekk ma jiġikx f’rasek issaqsih, tista’ taqa’ fl-iżball li taħseb li qed jagħtik ir-risposta morali t-tajba.

It-tieni nett, ir-robot m’għandux il-ħila jintuwixxi x’inhu tajjeb u ħażin. Għar-robot, il-frażi “ir-ruħ tifhem” ma tapplikax. Ir-robot kulma jagħmel hu jaqra l-miljuni ta’ testi li hemm fil-World Wide Web (fl-Internet), isib il-patterns u skont dawk il-patterns jiddeċiedi x’għandha tkun ir-risposta li jagħti għall-mistoqsijiet tal-bnedmin.

Inqiegħed lili nnifsi fiż-żarbun ta’ teenager u nitkexkex naħseb x’se jaħseb li hu t-tajjeb u l-ħażin dak it-teenager.

F’idejn dar-robots qed nafdaw il-futur tagħna. L-IA taf li m’għandhiex morali imma xorta tibqa’ miexja fit-triq tagħha lejn…

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 8 ta’ Mejju, 2025.