Opinjoni

Opinjoni: Berlin bil-krozzi

minn Angelo Micallef

Dak li kellu jkun bidu ta’ kapitlu politiku ġdid għall-Ġermanja spiċċa biex kien biss il-kontinwazzjoni tal-pjaga tal-instabbiltà politika li ilha żżomm lill-Ġermanja lura għal dawn l-aħħar snin.

Kienu ħafna li ħadu nifs ’il ġewwa meta Scholz u l-koalizzjoni tiegħu sa fl-aħħar aċċettaw l-ovvju u indunaw li kien wasal iż-żmien li tissejjaħ elezzjoni ġenerali. Kienu ħafna li ħadu nifs ieħor ’il ġewwa meta raw lill-Partit Demokristjan CDU u l-alleati tagħhom tal-Bavarja s-CSU joħorġu rebbieħa fl-elezzjoni ġenerali.

It-tama kienet li taħt it-tmexxija ta’ Merz, il-Ġermanja kienet se tirritorna għall-istabbiltà u s-saħħa politika li tant gawdiet minnha taħt it-tmexxija ta’ Angela Merkel. Kien għalhekk diżappunt kbir meta propju fl-ewwel test ta’ Merz, li kellu jkun biss formalità, dan spiċċa biex sofra l-umiljazzjoni li sar l-ewwel persuna li kien rebaħ elezzjoni federali imma ma rebaħx vot ta’ fiduċja fil-ħatra tiegħu fil-Parlament Ġermaniż.

Ir-rebħa ta’ Merz

Naturalment aktar tard mal-jum sar it-tieni vot u din id-darba Merz ħareġ rebbieħ sabiex b’hekk inħatar bħala Kanċillier Ġermaniż. Ikun żball madankollu jekk infarfru taħt tapit dak li ġara.

Huwa mingħajr ebda ombra ta’ dubju fatt pożittiv li sa fl-aħħar il-Ġermanja ħelset mit-tmexxija ineffiċenti u ineffettiva tas-Soċjalist Scholz u wisq aktar tal-alleati tiegħu l-Ħodor. Huwa fatt pożittiv li issa f’karigi ewlenin għandek politiċi tas-CDU/CSU li għandhom pjan ċar għal pajjiżhom.

Jibqa’ l-fatt madankollu li l-Gvern ta’ Merz jinsab dipendenti fuq is-Soċjalisti u bħal donnu fi ħdan is-Soċjalisti hemm il-garr fl-istonku.

Din id-dipendenza fuq is-Soċjalisti tista’ twassal sabiex Merz ma jkollux is-saħħa politiku meħtieġa biex jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn jieħu. Dipendenza li taf iddgħajjef il-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż f’mumenti kruċjali, liema dgħufija tista’ biss tkun waħda għall-Ġermanja u għall-Unjoni Ewropea.

L-unika għażla li kellu Merz

Naturalment din il-koalizzjoni kienet l-unika għażla li kellu Merz grazzi għall-fatt li l-partit tal-lemin estrem, l-AfD, il-partit politiku Ewro-xettiku li tant iħobb jinċensa Donald Trump u sħabu Elon Musk u Marco Rubio, kiseb riżultat enormi fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Ikun żball kbir jekk indawru subgħajna lejn l-elettorat. L-elettorat huwa sovran u fis-sovranità tiegħu għandu kull dritt jagħmel l-għażliet tiegħu. Meta l-elettorat jagħmel għażla normalment jagħmilha għal raġuni.

X’qed iwassal biex madwar l-Ewropa qed nibqgħu naraw il-partiti tal-lemin estrem jiksbu aktar saħħa? X’qed iwassal biex elettorat wara l-ieħor qed imur għan-narrativa li kulħadd għandu jaħseb għal rasu f’politiku ta’ nazzjonaliżmu sfrenat u fejn kulħadd għandu jiġi jaqa’ u jqum mill-ġar tiegħu?

Kieku din ġrat f’pajjiż wieħed tgħid forsi hemm xi raġuni frivola; imma meta tkun mewġa li tkompli tolqot pajjiż wara l-ieħor bil-fors wieħed irid jistaqsi x’qed iwassal biex din in-narrativa li fil-passat tant kienet iddoqq kerha issa qed tinżel daqshekk għasel?

Jagħmlu sew partiti bħas-CDU/CSU u s-Soċjalisti u fuq skala aktar wiesgħa l-partiti prinċipali Ewropej li jaħdmu flimkien sabiex jevitaw li jiftħu t-tieqa beraħ lil-lemin estrem. Madankollu dik għandha tkun biss miżura ta’ disperazzjoni u mhux l-ordni tal-ġurnata.

Hemm bżonn li ssir eżaminazzjoni bir-reqqa ta’ għaliex il-poplu qed iħossu dan is-sens ta’ frustrament. Hemm bżonn naraw jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex bżonn riforma sabiex issir unjoni eqreb tan-nies u allura unjoni li aktar tirifletti l-ambizzjonijiet tal-popli Ewropej.

Hemm bżonn naraw x’inhuma dawk l-isfidi li l-popli Ewropej qed iħossu li mhumiex jiġu indirizzati u li għalhekk qed iħossu li ma fadlilhomx għażla għajr li jduru għal narrativa estrema.

Mumenti ta’ test iebes

Il-fatt li fl-Unjoni Ewropea issa għandna wieħed mill-akbar muturi ekonomiċi bi gvern ta’ kompromess li fir-realtà se jibda fuq sieq waħda qabel lanqas biss beda, ma jawgurax tajjeb għal dawk il-mumenti ta’ test iebes. U ġejjin ħafna minn dawk il-mumenti, għaliex bħal donnu m’hemm ebda tmiem għall-politika distruttiva, inprevidibbli u ta’ bla ebda prinċipju għajr l-egoiżmu sfrenat ta’ Donald Trump u l-Partit Repubblikan li huwa ħataf taħt idejh.  

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 8 ta’ Mejju, 2025.