Lokali Parlament

Aktar minn 600 każ pendenti quddiem il-Bord tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali

Il-Bord tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali bħalissa għandu każijiet pendenti total ta’ 612. Dan l-ammont kien sal-aħħar ta’ April li għadda.

Dan l-ammont jinkludi fih kemm dawk l-appelli li diġà bdew jinstemgħu (321 każ), kif ukoll dawk l-appelli li għadhom ma ġewx appuntati (190 każ). Minn dan l-ammont hemm 101 każijiet li nstemgħu u qegħdin pendenti għad-deċiżjoni tal-Arbitru.

Dan it-tagħrif ingħata fil-Parlament mill-Ministru Michael Falzon għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Pevi.

Jirriżulta wkoll li matul April 2025 kienu qegħdin jinstemgħu l-appelli li ġew sottomessi matul ix-xahar ta’ Jannar 2025.

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali dan l-aħħar kien ħafna fl-aħbarijiet b’rabta mal-każ li qed jnstema’ fil-Qorti dwar abbużi li allegatament seħħew f’benefiċċji ta’ mard li ngħataw minn dan id-Dipartiment.

Ħafna minn dawn il-każi kienu solvuti u dawk ħatja qed jirrifondu l-ammont lid-Dipartiment. Każi oħrajn għadhom pendenti b’Eks Deputat Laburista qed ikun allegatament akkużat b’misapropriazjoni ta’ dawn il-fondi.