Lokali Parlament

Aktar minn €600,000 f’reklamar mill-Ministeru ta’ Miriam Dalli

Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika mmexxi mill-Ministru Miriam Dalli nefaq fi flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru, matul is-sena li għaddiet, l-2024, is-somma ta’ aktar minn €600,000 – eżatt total ta’ €630,780.0

Għal informazzjoni mitluba mid-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia, u li tqiegħdet fil-Parlament, jirriżulta li aktar min-nofs miljun ewro ntefqu f’reklamar fuq it-televiżjoni u aktar minn €60,000 f’reklami fuq ir-radju.

Diġà kien magħruf fil-Parlament li l-uffiċċju tal-Prim Ministru u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari tiegħu nefqu s-sena li għaddiet fi flus f’reklamar is-somma totali ta’ €349,097.1.

Nefqa simili saret mill-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi li nefaq aktar minn kwart ta’ miljun ewro, total ta’ €268,406.1, fi flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament matul is-sena 2024.