Internazzjonali

Il-Kanċillier Ġermaniż Merz jiltaqa’ ma’ Roberta Metsola

Frisk mill-elezzjoni tiegħu bħala Kanċillier tal-Ġermanja, Friedrich Merz ivvjaġġa lejn Brussell biex jiltaqa’ mal-President Roberta Metsola fil-Parlament Ewropew, fil-ġurnata li fiha tfakkar Jum l-Ewropa.

Il-President Metsola laqgħet lil Merz fil-post li fih kien serva bħala MEP bejn l-1989 u l-1994.

Iż-żewġ mexxejja ffukaw fuq il-kompetittività u l-istabbiltà tal-Ewropa. Huma qablu li l-Ewropa għandha taħdem biex tibqa’ tkun miftuħa għan-negozju ma’ sħab kummerċjali madwar id-dinja, filwaqt li saħqu dwar l-importanza tar-relazzjoni transatlantika.

Dwar l-Ukrajna, il-President Metsola u l-Kanċillier Merz qablu li l-Ewropa jeħtieġ tkompli l-appoġġ tagħha.  

Il-President tal-Parlament Ewropew qalet li fir-rigward tal-immigrazzjoni, l-ebda pajjiż ma jista’ u m’għandu jindirizza din l-isfida waħdu.

Il-Kanċillier Merz qal li ilu jaf lill-MEP Maltija għal żmien twil u qed iħares ‘il quddiem biex jaħdmu aktar mill-qrib flimkien.

Il-President Metsola rrimarkat li ż-żjara tal-Kanċillier Merz fi Brussell fiha sinifikat akbar; u fi kliemha, hija affermazzjoni mill-ġdid tal-impenn tal-Ġermanja għall-proġett Ewropew.

Metsola qalet li tinsab fiduċjuża li flimkien se jaħdmu biex jiżguraw li l-Ewropa tibqa’ b’saħħitha, sovrana u soda.