Waqt laqgħa fir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-Kummissarju Glenn Micallef iddiskutew it-temi li huma fil-portafoll tal-Kummissarju Malti.
Tul din il-laqgħa kordjali ġiet diskussa l-ħidma tal-Kummissjoni f’dak li għandu x’jaqsam maż-żgħażagħ, il-kultura u l-isport – anke fid-dawl tar-realtajiet ta’ pajjiżna.
Fost l-oħrajn Bernard Grech semma’ kif żgħażagħ Maltin u aktar u aktar Għawdxin għandhom sfidi li żgħażagħ oħra fil-kontinent m’għandhomx, minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna.
Huwa qal li jixtieq jara aktar għarfien fost iż-żgħażagħ Maltin dwar l-opportunitajiet li jeżistu għalihom grazzi għall-fatt li Malta hi Membru Stat tal-Unjoni Ewropea.
Minn naħa tiegħu il-Kummissarju Ewropew qal li l-Kummissjoni qed taħdem fuq strateġija biex iżżid aktar l-interazzjoni maż-żgħażagħ, ħalli ikun hemm aktar programmi edukattivi mmirati lejn iż-żgħażagħ u biex l-Ewropa tkun aktar konxja ta’ kif inizjattivi tagħha jkunu se jimpattaw lil din il-ġenerazzjoni.
Kienet diskussa wkoll l-importanza ta’ strateġija biex tħarreġ lil tfal u żgħażagħ fl-użu responsabbli tat-teknoloġija.
Dwar il-qasam tal-isport, il-Kap tal-Partit Nazzjonalisa u l-Kummisarju Ewropew qablu dwar il-ħtieġa ta’ strateġija biex iż-żgħażagħ ikunu aktar attivi u biex jissaħħu il-mudell tal-isport.
Kien hemm qbil ukoll dwar il-fatt li l-Ewropa hija leader fil-qasam tal-Kultura grazzi għad-diversità u l-wirt kulturali kbir li għandhom bejniethom il-pajjiżi membri.
Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll ix-Shadow Minister għall-Fondi Ewropej u Sport David Agius u x-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ Bernice Bonello.
//= $special ?>