Il-Qorti ordnat lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi meta dan kien immexxi mill-Partit Laburista, biex jagħti kumpens ta’ €74,873 lil sewwieq ta’ mutur li weġġa’ wara li waqa’ f’ħofra. Cem Kofoglu, li huwa Tork, beda proeċeduri fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Kunsill u Infrastructure Malta fejn żammhom responsabbli għall-inċident li kien seħħ fit-2 ta’ Mejju 2020 fi Triq Għar Lapsi.
Il-Qorti qalet li t-tort għal dan l-inċident huwa tal-Kunsill Lokali li dak iż-żmien u li kien immexxi mis-Sindku Laburista Kurstein Sant. Il-vittma xehed li kien qed isuq mutur fid-direzzjoni tas-Siġġiewi meta daħal f’ħofra, tilef il-kontroll u waqa’ u wara li persuna li nzertat għaddejja ċemplet għall-ambulanza ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn irriżulta li sofra minn ġrieħi gravi.
Qal li minħabba l-inċident sarulu interventi mediċi kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżu u rriżulta li sofra diżabbilità permanenti ta’ 11%. Infrastructure Malta qalet li t-triq imsemmija ma taqax taħtha imma taħt il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, li minn naħa tiegħu qal li t-triq hija waħda arterjali u ma taqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
L-Imħallef Toni Abela, li sema’ l-każ, qal li r-responsabbilità għall-manutenzjoni tat-triq kienet tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u żammu unikament responsabbli għall-inċident. Tenna li ġie ppruvat li t-triq kienet fi stat ħażin u mimlija ħofor u sostna li xi ħadd mhux jagħmel xogħlu sew waqt li rrimarka li l-fatt li minnha jgħaddu inġenji tal-kostruzzjoni jfisser li min hu responsabbli minnha jrid jieħu ħsiebha spiss.
Meta ġie biex jaħdem l-ammont tal-kumpens, l-Imħallef Abela qies li l-vittma kellu 33 sena meta seħħ l-inċident u sofra diżabbiltà permanenti ta’ 10% u ordna lill-Kunsill iħallas €74,873 lir-raġel.
//= $special ?>