“Li nqisu lil Ġesù bħala xi sempliċi mexxej kariżmatiku jew xi Superman huwa atejiżmu”
Il-fidi Nisranija qed titqies minn diversi bħala ħaġa assurda, li tmur kontra l-loġika li ma tagħmilx sens. Ħafna jippreferu jsibu kenn u sigurtà fit-teknoloġija u l-flus, oħrajn iqisu lil Ġesù Kristu bħala Superman li dan minnu nnifsu huwa wkoll atejiżmu.
Sostna dan il-Papa Ljun XIV fl-ewwel ċelebrazzjoni ta’ quddiesa tiegħu minn meta ġie ddikjarat Papa quddiem mijiet ta’ eluf ta’ nies fi Pjazza San Pietru.
Fl-għeluq tal-konklavi fil-Kappella Sistina, f’konċelebrazzjoni mal-bqija tal-Kardinali, l-Amerikan Robert Prevost matul l-omelija tiegħu insista li minflok l-valuri insara fid-dinja qed tingħata bil-wisq aktar importanza lejn is-suċċess, il-poter u l-pjaċir. Bil-Papa jisħaq li bosta jqisu r-reliġjon bħala xi ħaġa għal dawk il-persuni dgħajfa u b’nuqqas ta’ intelliġenza.
Papa Ljun XIV insista li dawn mhux żminijiet faċli biex twassal il-kelma ta’ Alla quddiem sitwazzjoni fejn min iħaddan il-fidi jispiċċaw jiddieħqu bih jew meqjus bħala miskin.
Dan filwaqt li saħaq li Ġesù qed jispiċċaw jirriduċuh minn diversi nies, inkluż dawk mgħammdin, bħala mexxej kariżmatiku biss – li dan huwa wkoll forma ta’ atejiżmu.
Fil-bidu tal-omelija, Prevost spjega li sħabu l-kardinali għoġobhom jgħabbuh b’salib li hu se jkun qiegħed jerfa’ u saħaq li din hija missjoni li ġie mbierek biha. Filwaqt li insista li jinsab fiduċjuż li kulħadd se jkun qiegħed jgħinu fil-missjoni evanġelika tiegħu.
Diversi kienu dawk li tkellmu dwar il-ħatra ta’ Robert Francis Prevost fosthom il-Kardinal Giovanni Battista li insista li d-dinja laħqet livelli għoljin ta’ sekularizzazzjoni u Papa Ljun XIV se jkun qiegħed isaħħaħ il-fidi.
Intant sar magħruf li l-Papa se jkun qiegħed jiċċelebra l-Quddiesa tal-bidu tal-Pontifikat tiegħu fi Pjazza San Pietru quddiem mijiet ta’ eluf ta’ fidili nsara nhar il-Ħadd 18 ta’ Mejju, fl-għaxra ta’ filgħodu.
Dan filwaqt li nhar il-Ħadd 11 ta’ Mejju se jkun qed jagħmel l-ewwel Reġina Caeli mil-Loġġa Ċentrali ta’ San Pietru filwaqt li l-għada, it-Tnejn, se jkun qiegħed jiltaqa’ mal-membri tal-istampa.