Internazzjonali Knisja

Il-Papa Ljun xiv ġie Malta diversi drabi

Minkejja l-Kardinal Mario Grech ma ntgħażilx bħala s-Suċċessur ta’ Pietru, ir-rabta tal-Vatikan ma’ Malta diġa’ qed tinħass.

Fil-fatt, mhux l-ewwel darba li Papa Ljun XIV żar lil pajjiżna; anzi kollox qiegħed jindika li hu wieħed mill-aktar kardinali li qatt żaru Malta tul dawn l-aħħar 25 sena. L-aktar żjara riċenti kienet f’Novembru tal-2023 fil-Bażilika tal-Mosta fejn iċċelebra l-quddies u indirizza l-Assemblea Plenarja tal-Kunsill tal-Isqfijiet fl-Ewropa.

Apparti din l-okkażjoni… fl-ewwel perjodu tas-snin elfejn, Robert Prevost kien żar kemm-il darba lil pajjiżna waqt li kien jokkupa l-irwol ta’ Pirjol Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin, fost oħrajn meta proprju żar il-Kulleġġ ta’ Santu Wistin u kien iqatta’ ħin twil mal-Patrijiet u s-Sorijiet Agostinjani.

Anke l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna sostna li Papa Ljun XIV jaf lil Malta sewwa filwaqt li l-Pirjol Provinċjal tal-Agostinjani f’Malta, Patri Leslie Gatt, spjega li żamm komunikazzjoni soda ma’ ħutu l-Agostinjani Maltin hekk kif bejn l-2001 u l-2013 żar ħafna drabi lil Malta.

L-isem magħżul mill-Papa huwa meqjus b’mod wiesa’ bħala riflessjoni tal-viżjoni u d-direzzjoni li biħsiebu jġib lill-pontifikat tiegħu.

Fil-fatt, l-għażla tal-isem ‘Iljun’ mill-Kardinal Prevost qed tqajjem memorji tal-Papa Ljun XIII, li mexxa l-Knisja mill-1878 sal-1903 u kiseb rikonoxximent bħala “l-Papa soċjali” u “l-Papa tal-ħaddiema”. Dan seħħ minħabba l-kontribuzzjonijiet tiegħu għat-tagħlim soċjali Kattoliku – l-aktar permezz tal-enċiklika tiegħu Rerum Novarum.