Lokali

Il-Parlament Malti jifraħ lill-Qdusija Tiegħu Papa Ljun XIV

Fi stqarrija f’’isem il-Parlament ta’ Malta, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, jifraħ lill-Kardinal Robert Francis Prevost għall-elezzjoni tiegħu bħala Papa, wara l-konklavi li saru fl-Istat tal-Vatikan, u li issa għandu l-isem ta’ Papa Ljun XIV.

Il-Parlament Malti jesprimi wkoll l-awguri tiegħu lill-Qdusija Tiegħu fil-bidu tal-pontifikat tiegħu, u jżomm l-aspettattiva li, taħt it-tmexxija tiegħu, il-Knisja Kattolika tkompli tkun vuċi ċara u qawwija favur il-paċi, is-solidarjetà u d-dinjità tal-bniedem, speċjalment f’dawn iż-żminijiet immarkati minn tensjonijiet u sfidi globali.

L-Ispeaker saħaq li l-Parlament ta’ Malta jemmen fil-valur dejjiemi tad-djalogu u l-koperazzjoni bejn il-popli, u jħares ’il quddiem lejn relazzjoni msaħħa mal-Istat tal-Vatikan matul dan il-pontifikat ġdid.