It-Thalidomide Survivors Association hija profondament diżappuntata bit-tħabbira għall-istampa maħruġa mill-Ministeru għall-Inklużjoni Soċjali u s-Settur Volontarju nhar it-Tnejn 5 ta’ Mejju bħala risposta għal artiklu fil-Times of Malta miktub minn Emma Borg dwar il-kumpens għal dawk li qed ibatu mill-effetti tat-Thalidomide.
Huma fakkru li f’Lulju tal-2023, kien hemm stqarrija għall-istampa mill-istess Ministeru fejn intqal li dawk li qegħdin ibatu mill-effetti tat-Thalidomide kellhom jingħataw somma ta’ €3 miljun. Il-fatt li huma rċevew biss madwar terz tas-somma mwiegħda huwa diżappuntanti. Dik l-istqarrija stampa naqset ukoll milli tispjega b’mod ċar kif u għaliex is-somma tal-kumpens ġiet imnaqqsa. Ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni fil-fond dwar l-għodda u l-kriterji li ntużaw sabiex jiġi kkalkulat il-kumpens dovut.
Il-fatt li s-somma offruta mill-Gvern Malti bħala kumpens hija ċkejkna ferm meta mqabbla ma’ dak li rċevew (u f’xi każi għadhom jirċievu) il-kumpens f’pajjiżi oħra huwa wkoll diżappuntanti. Il-Gvern Malti ma kienx lanqas trasparenti jew proattiv fir-rigward tan-negozjati mal-manifatturi tal-mediċina. Fil-fatt, l-assoċjazzjoni qed tieħu dan il-pass fuq inizjattiva tagħha, b’mod differenti minn dak li ġara barra minn xtutna.
Għalhekk, l-assoċjazzjoni tixtieq tappella lill-Gvern ta’ Malta sabiex jipprovdi spjegazzjoni dettaljata dwar kif u għaliex is-somma tal-kumpens ġiet imnaqqsa għal madwar €1 miljun, u kif il-bord mediku wasal għall-evalwazzjoni dwar l-iskala tad-diżabilità kkawżata mit-Thalidomide. Il-Gvern għandu wkoll jippreżenta skeda ċara u inequivokabbli dwar kif l-€3 miljun se jitħallsu lil kull vittma eliġibbli mit-Thalidomide f’Malta. Fl-aħħar nett, il-Gvern għandu jevita li jqarraq bil-pubbliku dwar dan is-suġġett, u huwa daqstant importanti li ma jmurx lura minn dak li kien wiegħed oriġinarjament.
//= $special ?>