“B’kull idea tajba, b’kull azzjoni pożittiva, b’kull bidla li tagħmlu – tkunu qed tgħinuna noħolqu dinja aħjar.“
Sostna dan il-Kap tal-PN Bernard Grech fil-Parlament f’seduta mal-istudenti varji li qiegħdin jippartceipaw f’EkoSkola – programm edukattiv internazzjonali li jgħin lill-istudenti jieħdu azzjoni favur l-ambjent. F’Malta dan il-programm imur lura għall-bidu tas-sena 2000. L-għan tieghu hu li l-iskejjel isiru aktar sostenibbli u li l-istudenti jkunu parti attiva fil-protezzjoni tal-ambjent.
Dan apparti t-trawwim ta’ ċittadini attivi f’soċjetà bħal tal-lum – U għalhekk l-importanza li l-ambjent, kif qed jipproponi l-PN, isir dritt fundamentali tal-poplu Malti u Għawdxi – dritt fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Bernard Grech irringrazzja lill-ħafna skejjel f’Malta, lill-edukaturi responsabbli u lill-istudenti li jipparteċipaw b’mod attiv f’EkoSkola, u feraħ ukol lil dawk li kisbu l-Green Flag.
Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-PN fakkar kif l-Oppożizzjoni ressqet Private Member’s Bill bil-għan li jkun hemm tnaqqis fil-ħela tal-ikel u l-iskart, sabiex l-ikel jitqassam bl-anqas ħela possibbli fost il-popolazzjoni kollha u li l-ebda ċittadin ma jkun imċaħħad minħabba l-qagħda soċjali jew finanzjarja tiegħu.
Hu spjega wkoll il-viżjoni ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista – viżjoni lli tiddistingwi bejn żvilupp sostenibbli u dak li mhuwiex, filwaqt li appella għal użu tal-art li jħares l-ambjent u l-benesseri tan-nies.
Bernard Grech għalaq billi appella għal trasparenza u parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tal-ippjanar. Huwa insista li b’dawn il-proposti, il-PN qed juri l-impenn tiegħu lejn żvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tal-ambjent f’Malta.