Futbol Sport

Ir-rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb, Allan Simonsen f’Malta għal attività b’appoġġ għall-kampanja ‘Sport For Parkinson’s’

Adrian Casha flimkien ma' Allan Simonsen
Adrian Casha flimkien ma' Allan Simonsen

F’konferenza stampa li saret gewwa s-Sala Parrokjali tal-Knisja tal-Ibraġġ, l-ex plejer Daniż tal-futbol Allan Simonsen inawgura wirja ta’ flokkijiet li ntibsu mir-rebbieħa kollha tal-Ballun tad-Deheb sa mill-1956 meta kien gie introdott dan l-unur prestiggjuz.

Il-plejer u leggenda, Allan Simonsen rebaħ il-Ballun tad-Deheb fis-sena 1977 bħala plejer ta’ Borussia Monchengladbach, li magħhom irnexxielu jirbaħ darbtejn it-Tazza UEFA.

Simonsen stqarr li l-isbaħ żmien tal-karriera tiegħu kien propju ma’ Barcelona, li magħhom rebaħ it-Tazza tat-Tazzi fl-1982 u anki rnexxielu jiskorja fil-finali.

Huwa qal ukoll li mat-tim nazzjonali Daniż l-aqwa mument kien il-kwalifikazzjoni miksuba ghall-finali tal-Kampjonat Ewropew tal-1984 li kienu saru fi Franza, b’gowl uniku li huwa skorja minn penalty kontra l-Ingilterra f’Wembley Stadium.

Meta mistoqsi liema kienu l-aktar partiti missielta li lagħab fihom tul il-karrierai tiegħu, Simonsen kien pront wiegeb li d-derby ‘El Classico’ kontra Real Madrid dejjem kienu jkunu battalji ibsin u rrefera ghad-difensur Spanjol Camacho bhala l-aktar plejer diffiċli li lagħab kontra tiegħu.

Simonsen tenna kemm huwa ta’ unur ghali li qiegħed f’pajjiż sabiħ bħal Malta sabiex jappoġġja inizjattiva nobbli bhal din b’risq persuni bil-Parkinson’s.

Indirizza wkoll din il-konferenza stampa l-Ambaxxatur tal-Parkinson’s Adrian Casha, li esprima s-sodisfazzjon tieghu li l-kampanja nazzjonali ‘Sport For Parkinson’s’ issa qieghda fir-raba’ sena tagħha.

Huwa żied jgħid li l-futbol, kemm f’livell professjonali kif ukoll f’livell dilentattesk, huwa għodda mill-isbaħ sabiex inkunu ta’ sostenn għal xulxin f’mumenti ta’ sfida f’ħajjitna.

Adrian Casha kellu wkoll kliem ta’ ringrazzjament ghall-organizzaturi ta’ din il-wirja ‘Sports Legends Malta’ u l-esibitur ewlieni Kenneth Formosa, li ilu jahdem fuq din il-kollezzjoni ghal dawn l-aħħar 25 sena, kif ukoll il-kollaboraturi ‘Visit Malta’.

Il-wirja tar-rebbieha tal-Ballun tad-Deheb b’risq ‘Step Up For Parkinson’s’ tinsab miftuha għall-pubbliku kuljum mit-8 ta’ flighodu sat-8 ta’ filghaxija sa nhar il-Hadd, 11 ta’ Mejju, u tinkludi wkoll sezzjoni ta’ memorabilja sportiva għall-bejgħ b’irkant.