Knisja Lokali

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex jilqgħu l-elezzjoni tal-Papa Ljun XIV

L‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex jifirħu għall‑elezzjoni tal‑Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV u jħeġġu lill‑Insara u l-persuni kollha ta’ rieda tajba sabiex jitolbu għall‑Papa l‑ġdid.

Fi stqarrija, Charles J. Scicluna, l-Arċisqof ta’ Malta; Anton Teuma, l-Isqof ta’ Għawdex; u Joseph Galea-Curmi, Isqof Awżiljarju ta’ Malta, filwaqt li wiegħdu l-lealtà tagħhom lejn il-Papa Ljun XIV, is-Suċċessur ta’ Pietru, qalu li jimpenjaw ruħhom li jwasslu l-Vanġelu tal-Paċi u l-Ħiena lill-poplu għażiż ta’ Alla.

Ir-ritratti mehmuża, pubblikati mill-Kurja, huma tal-quddiesa li l-Papa Ljun XIV, dak iż-żmien il-Kardinal Robert Prevost OSA, li kien ippresieda fil-Bażilika Minuri tal-Mosta waqt l-Assemblea Plenarja tal-Kunsill tal‑Konferenzi tal‑Isqfijiet Ewropej (CCEE) li saret f’Malta f’Novembru 2023.