“L-aħwa Ta’ Maksar riedu jeħilsu mill-avukat Carmel Chircop malajr kemm jista’ jkun u dan fuq villa li kienet tiswa’ €800,000. Konna ftehmna li lili kienu se jħallsuni s-somma ta’ €20,000 għal din il-biċċa xogħol. Minbarra jien fil-pjan ta’ dan il-qtil kien hemm l-akkużati George Degiorgio u Jamie Vella.”
Dan irriżulta hekk kif fl-14-il jum tiegħu l-ġuri ħa żvolta mill-aktar interessanti hekk kif il-prosekuzzjoni talbet biex jixhed wieħed mix-xhieda prinċipali fil-każ – Vincent Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu” li ngħata l-proklama fuq il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop u ħa sentenza ridotta ta’ 15-il sena ħabs fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Ix-xhieda ta’ Muscat dwar il-qtil tal-avukat Chircop kienet fiċ-ċentru tas-sessjoni ta’ filgħodu tal-ġuri filwaqt li wara nofs inhar issemma l-eks Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Muscat jgħid li bejn l-2014 u l-2015, kien imur fejn it-tinda tal-patata fil-Marsa. George Degiorgio mar hemm u qallu li xi ħadd irid “jeħles” minn Daphne Caruana Galizia. Degiorgio dejjem kien isemmi lil Chris Cardona lil Muscat f’dan ir-rigward.
Kienu qablu fuq somma ta’ flus ta’ €150,000, u darba Muscat u Degiorgio marru l-Bidnija biex isegwu l-movimenti ta’ Caruana Galizia. F’ħin minnhom, Degiorgio qal lil Muscat li kellu bżonn jiltaqa’ ma’ Chris Cardona.
Huwa jgħid li l-prezz kien miftiehem bejnu, George Degiorgio u Jamie Vella. Kienu t-tlieta li kienu se jwettqu l-pjan tal-qtil. Skont Muscat, l-avukat David Gatt serva bħala l-intermedjarju.
Fl-2021, Muscat ammetta l-ħtija għar-rwol tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fl-istess jum li ammetta l-ħtija, ingħata maħfra presidenzjali biex jirrakkonta kollox dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop.
Hawn Vincent Muscat li beda jirrakkonta l-każ, beda jixhed bilqiegħda. Qabel ma beda jixhed informa lill-Qorti li xtaq jitlob skuża liż-żewġ familji tal-vittmi. L-Imħallef Edwina Grima informatu biex jixhed il-verità kollha wara li huwa ngħata l-proklama għax jekk le jista’ jsofri minn konsegwenzi legali.
Huwa beda jixhed fuq il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop. Sostna li George Degiorgio kien qallu li Robert Agius u ħuh Adrian Agius riedu jeħilsu mill-avukat. Magħhom, jiġifieri miegħu u ma’ George Degiorgio kien daħal f’dan il-pjan Jamie Vella.
“F’Settembru 2015 mort taħt it-tinda tal-patata fil-Marsa u dan kien għall-ħabta tad-9am. Kont immur hemm kuljum. George Degiorgio qalli li l-aħwa Maksar kienu se jmorru ħdejhom. George Degiorgio qalli x’kien dan kollu. Riedu lil Carmel Chircop mejjet. Wara siegħa, ġew l-aħwa u bdejna nitkellmu. Semmejna l-flus. Kienu se jagħtuni €20,000.”
Spjega li kien miftiehem it-‘tim’ għal dan id-delitt li kellu jkun hu stess, George Degiorgio u Jamie Vella. Dwar il-mottiv, Muscat qal li dan kellu x’jaqsam ma’ somma ta’ kważi €800,000 mislufa mill-Avukat Carmel Chircop fuq villa li kienet tiswa’ ħafna flus li kienet ta’ wieħed mill-aħwa Maksar.
L-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, flimkien mal-assoċjati Jamie Vella u George Degiorgio, qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil ta’ Chircop.
Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio. Robert Agius u George Degiorgio (iċ-Ċiniż) huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-erba’ rġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.
Vincent Muscat qal li kien ilu jaf lil Robert Agius għal xi żmien f’dak il-perjodu, għalkemm ma kinux qrib xulxin. Kienu jsellmu lil xulxin u jitkellmu kultant. Wara xi żmien, l-aħwa kienu jiffrekwentawh aktar spiss u Adrian Agius kien iħeġġu biex iħaffef il-pass fuq il-qtil ta’ Chircop: “Ejja ħa neħilsu minnu”. Kull darba li Muscat kien jarah, Agius kien isemmih. Muscat kien iwieġeb billi jgħidlu biex jgħid lil George Degiorgio.
Bdew jispjunaw fuq l-Avukat Chircop
Ftit jiem jew ġimgħat qabel il-qtil, Muscat qal li kien mar mal-aħwa Agius biex jagħmlu spjunaġġ fuq l-Avukat Chircop fix-xatt tal-Birgu waqt li kien qed jiekol ma’ martu.
Darba oħra, Muscat, Adrian Agius u George Degiorgio inkella Adrian Agius, bix-xhud jgħid li nesa minn min minnhom – kienu qed jieklu f’kafetterija fin-Naxxar. L-Avukat Carmel Chircop kien f’kafetterija fil-qrib, iżda f’punt wieħed ħareġ mill-istabbiliment biex iwieġeb telefonata. L-għan ta’ din il-mawra kien li jsir spjunaġġ fuqu u jieħdu idea tal-movimenti tiegħu.
Fil-bidu tal-pjan biex joqtol lil Chircop, Muscat kien mar bil-karozza tiegħu waħdu biex jispija lil Chircop fejn id-dar tiegħu. Huwa pparkja ħdejn il-ħanut tal-McDonald’s, f’Birkirkara. Mill-karozza, seta’ jara l-bieb ta’ quddiem tad-dar ta’ Chircop. Huwa qatta’ madwar siegħa hemm. Wara dan, George Degiorgio qallu li ma kienx hemm bżonn li jkompli, u minflok mar hu stess ma’ Robert Agius.
Muscat qal lill-ġurati fejn kien jinsab il-garaxx ta’ Chircop fil-kumpless ġewwa Birkirkara. Skont Muscat, Robert Agius u George Degiorgio rnexxielhom isibu l-garaxx ta’ Chircop waqt waħda mill-ħarġiet ta’ sorveljanza.
Darba minnhom, fil-5am, Muscat qal li kien ingħaqad ma’ Jamie Vella u George Degiorgio u saqu lejn il-kumpless tal-garaxxijiet billi użaw karozza misruqa. Għamlu dan biex jippruvaw jidentifikaw liema garaxx fil-kumpless kien ta’ Carmel Chircop. Ipparkjaw quddiem struttura fejn kien hemm tieqa.
Jamie Vella kien telaq mill-karozza biex jispjuna fuq Chircop mit-tieqa, filwaqt li Muscat u Degiorgio baqgħu fil-karozza. Hekk irnexxielhom jidentifikaw liema garaxx kien ta’ Dr. Chircop.
Il-prosekuzzjoni kompliet tistaqsi dwar il-pjan tal-qtil. Il-pjan kien li jisparaw lejn Chircop kmieni filgħodu qabel ma huwa jmur għax-xogħol. Skont il-pjan, Jamie Vella kellu jkun hu li jispara lil Chircop, filwaqt li George Degiorgio kien se jsuq il-karozza misruqa. Vince Muscat qal li hu kien se jibqa’ fis-seat ta’ wara.
Qabel ma kellu jseħħ il-qtil, Muscat u t-tim esploraw iz-zona biex jippjanaw rotta biex jaħarbu malajr kemm jista’ jkun minn fuq il-post. Fil-jum tal-qtil, ippjanaw ir-rotta eżatta u saqu minn qabel biex jiżguraw li l-ebda triq ma kienet magħluqa.
Muscat qal li Adrian Agius kien partikolarment ħerqan li jtemm il-qtil. Strettament, l-aħwa Ta’ Maksar ma kellhomx għalfejn jiġu infurmati bil-pjan tal-qtil, skont ix-xhud. Kull ma kien importanti kien li jseħħ il-qtil u jħallsu għalih.
Ix-xhud qal li kienu George Degiorgio u Jamie Vella li ddeċidew li l-qtil isir b’tiri ta’ arma tan-nar u li Jamie Vella kien ħerqan li jispara hu u li kien kapaċi jispara sew. “Kien persuna li kellu l-gattz”, Huwa qal li l-karozza misruqa li ntużat fil-qtil kienet tinżamm f’garaxx ġewwa Santa Venera.
Dan il-garaxx kienu jintuża minn George Degiorgio, Jamie Vella u Robert Agius. Ix-xhud qal li l-garaxx biex tasal għalih kien faċċata tal-mini fejn hemm pompa tal-petrol u ddur fejn hemm diversi blokki ta’ appartamenti u hemm ukoll diversi garaxxijiet.
Il-pjan kien li tintuża’ arma li ma tħalliex balal fuq il-post u għalhekk ma titħalliex evidenza fuq il-post. Il-pjan kien li jintuża revolver biex ma jkunx hemm skrataċċ fuq il-post. Dwar ta’ min kienet l-arma, ix-xhud qal li mhux tiegħu, imma ta’ Jamie Vella u Robert Agius. Jiftaker li r-revolver kien kulur il-fidda u jieħu bejn ħamsa u sitt balal.
Huwa semma’ pistola oħra semiawtomatika li kien iżomm George Degiorgio fil-karozza. Kellhom ukoll ‘machine gun’ AK 47 li fih madwar tliet piedi. Skont il-pjan, l-AK 47 li kien fil-garaxx ta’ Santa Venera fejn kienu ħarġu bih u jitpoġġa fis-seat ta’ wara. Qal din l-arma jiftakar li kienu bdew jisparaw biha fir-razzett ta’ Jamie Vella fil-Mosta, li jinsab fejn Ta’ Bistra, u li qabel dan ir-razzett hemm tela’.
Muscat u Vella libsu balaklavi biex jaħbu l-identità tagħhom
Muscat jiftakar il-jum tal-qtil li kien it-8 ta’ Ottubru 2015. Jgħid li ma jiftakarx jekk dan il-jum intgħażilx għal xi raġuni partikolari. Kienu qamu għall-ħabta tal-5am. Huwa saq bil-karozza tiegħu stess biex jiġbor lil George Degiorgio minn xi mkien fil-Marsa, u mbagħad marru għal Jamie Vella u ġabruh mill-appartament tiegħu f’Santa Venera.
Ġurnata qabel, Muscat u George Degiorgio taw lil Jamie Vella xi żraben u ħwejjeġ biex kulħadd ibiddel wara l-qtil. Wara li ġabru lil Jamie Vella, marru għall-karozza misruqa. L-armi li kienu għażlu kienu diġà fil-karozza.
Kellhom iċ-ċwievet tal-garaxx diġà magħhom. Muscat ħalla l-karozza tiegħu stess fil-garaxx u t-tlieta użaw il-vettura misruqa biex iwettqu d-delitt. George Degiorgio saq il-karozza misruqa waqt li Vince Muscat kien bilqiegħda fis-seat ta’ wara, lejn in-naħa tal-passiġġier. Jamie Vella qagħad ħdejn Muscat, eżatt wara Degiorgio.
Muscat u Vella libsu balaklavi suwed, filwaqt li George Degiorgio libes beritta u kellu maktur li jgħatti nofs wiċċu.
L-isparar seħħ fi ftit sekondi
Ladarba libsu l-ilbies protettiv tagħhom, saqu u għaddew mir-rotta tal-ħarba biex jaċċertaw ruħhom li t-toroq kienu tajbin. Wara li għamlu dan, saqu lejn il-kumpless tal-garaxx u ħadu l-pożizzjoni tagħhom. Jamie Vella ħareġ mill-karozza u waqaf ħdejn struttura ta’ tieqa fil-qrib, filwaqt li Muscat u Degiorgio baqgħu fil-karozza, li ħallew startjata.
Vella seta’ jara t-triq pubblika mill-pożizzjoni tiegħu, u għalhekk seta’ jara meta Chircop kien qed joqrob lejn il-kumpless. Mill-karozza, Muscat seta’ jara wkoll lil Chircop jidħol fil-kumpless mir-rampa. Meta Vella ra lil Chircop miexi lejn il-kumpless, huwa avża lil Degiorgio u Muscat.
Sadanittant, Chircop wasal fid-daħla tal-bieb tal-garaxx tiegħu, li hi struttura tal-metall li tintlewa f’erba’. Huwa poġġa l-baskett tax-xogħol tiegħu mal-art u beda jiftaħ il-garaxx. Hawnhekk Jamie Vella beda jispara lejn Chircop. “Dan kollu ġara fi ftit sekondi.”
Muscat qal li l-aħħar memorja tiegħu ta’ Chircop kienet li fetaħ il-bieb tal-garaxx u daħal fih, u mbagħad Vella sparalu.
Arma li ntużat fil-qtil ħbewha ħdejn il-garaxx ta’ Santa Venera
Meta l-att twettaq, Jamie Vella u Vince Muscat fil-karozza u George qagħdu baxxuti fuq wara u Degiorgio saq. Huma saqu lejn l-iskola fil-qrib imbagħad daru lejn ix-xellug. Huwa ddeskrivi r-rotta tal-ħarba, u li saqu aċċidentalment minn triq mgħammra bil-cameras tas-CCTV. Muscat qal lil Degiorgio biex iniżżel il-viser tax-xemx tiegħu sabiex il-kamera ma taqbadx wiċċu.
Ir-rotta ġenerali magħżula ħadithom minn Birkirkara u l-Ħamrun sakemm waslu fil-garaxx f’Santa Venera. Wara li daħlu fil-garaxx, Jamie Vella u George Degiorgio ħbew ir-revolver f’post fil-qrib. Huma aċċertaw ruħhom li ma jħalluhx fil-garaxx sabiex, jekk il-Pulizija ssegwi l-karozza lura għal dak il-garaxx, ma jsibux l-arma tal-qtil. Muscat mhux ċert jekk kienx Degiorgio jew Vella li ħeba l-arma, iżda kien wieħed minnhom, huwa saħaq.
Wara dan, Muscat saq it-tlieta li huma lejn l-appartament ta’ Jamie Vella, li ma kienx wisq ’il bogħod mill-garaxx.
Tħallas €5,000 qabel il-qtil, €15,000 oħra wara
Muscat qal li hu, Degiorgio u Vella qablu bejniethom li jitħallsu €20,000 mill-aħwa Ta’ Maksar, jiġifieri Adrian u Robert Agius. €5,000 kellhom jitħallsu qabel il-qtil. Muscat qal li l-aħwa taw il-flus lil Degiorgio, li mbagħad qassam il-flus. Degiorgio ta lil Muscat l-ewwel €5,000 f’Settembru, meta l-pjan kien għadu kif feġġ. €10,000 oħra ngħataw lil Muscat minn Degiorgio ftit jiem wara l-qtil.
Imbagħad, Degiorgio ċempel lil Muscat biex jgħidlu li Robert Agius kien se jagħtih l-aħħar €5,000. Agius ta l-flus lil Muscat ġurnata wara din it-telefonata. Skont Muscat, Degiorgio qallu li hu ma kienx se jitlob lill-aħwa ħlas għall-qtil.
Xi żmien wara l-qtil, Muscat, Degiorgio u xi nies oħra kienu marru jieklu f’ristorant f’Ta’ Xbiex meta George Degiorgio lemaħ dgħajsa, il-Maya, għall-bejgħ. Degiorgio ċempel lis-sid, li qallu li jekk vera jridha jrid li jħallas malajr kemm jista’ jkun għax hemm nies oħra li huma interessati li jixtruha.
F’dan il-punt, Degiorgio ċempel lil wieħed mill-aħwa Maksar u talbu €30,000 biex jixtri d-dgħajsa. Muscat sema’ t-telefonata ta’ Degiorgio u nnota li kien ferm irrabjat. Degiorgio hawn kien qed jgħidlu biex ifittex iġiblu l-flus.
Wara ftit, mar ħdejhom Robert Agius. Madankollu, Muscat tenna li dan ma kienx hemm jisma’ l-battibekk. Tenna li hu sema’ biss lil Degiorgio jitkellem għax il-mobile ma kienx fuq speaker. Wara l-omiċidju, Robert u Adrian Agius kienu marru jaraw lix-xhud u lil sħabu fit-tinda tal-patata fil-Marsa. Dawn qalulhom li Adrian Agius kien ġie arrestat b’konnessjoni mal-qtil iżda “żamm sod” u ma tkellimx mal-Pulizija. Fuq iktar mistoqsijiet minn naħa tal-prosekuzzjoni, Muscat qal li ma jafx fejn kienu l-aħwa Agius fil-ħin tal-qtil.
Jamie Vella u Robert Agius kienu jġibu l-armi minn Sqallija
Mistoqsi mill-prosekuzzjoni kemm hu ‘l bogħod mill-Bidnija dan ir-razzett, Muscat qal li mhux wisq għax jekk flok titla’ t-tela’ tinżilha, u ddur lejn ix-xellug tasal il-Bidnija. Hemm fl-inħawi Ta’ Maksar kellhom għalqa fejn kien hemm numru ta’ scammels u kienu sparaw bil-“machine gun” hemm.
Ix-xhud qal li Jamie Vella u Robert Agius kienu jitkellmu quddiemu taħt it-tinda tal-patata fil-Marsa li kienu jġibu l-armi minn Sqallija bil-Katamaran.
Somma ta’ €150,000 biex tinqatel Caruana Galizia – Chris Cardona jagħti d-depożitu
Fis-sessjoni ta’ wara nofs inhar il-prosekuzzjoni qalet li issa se ddur fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia. Vincent Muscat qal li fl-2014 kien mar fuqu George Degiorgio u qallu li rridu neħilsu minn Daphne Caruana Galizia u dan dejjem semmielu lil Chris Cardona. Semmielu l-ħlas ta’ €150,000.
Qal li kienu marru l-Bidnija jagħmlu xi verifiki, Is-somma ta’ €150,000 kienet bejni, George Degiorgio u Jamie Vella. George Degiorgio kien jgħidlu li Cardona ried jeħles minnha. Dejjem kien jingħad li l-Avukat David Gatt li kellu jġib €50,000 bħala depożitu.
Ix-xhud qal li huwa kien jara xi kultant lill-avukat David Gatt fejn it-tinda tal-patata. Ma kienx jinżel kuljum, imma ġieli kien imur anke għal xi bela’ te. George Degiorgio dejjem kien jissika lil David Gatt biex iġib id-depożitu ħalli jagħmlulha l-Għassa. Muscat qal li Jamie Vella kien jaf fejn toqgħod Caruana Galizia.
Ix-xhud qal li kienu jagħmlu għassa ma’ Caruana Galizia hu u George Degiorgio u kienu jdumu bejn tlieta u erba’ sigħat. Darba George Degiorgio qallu biex imorru fil-viċinanzi tad-dar tagħha imma qatt ma raw xejn. Dak inhar marru bil-karozza ta’ George Degiorgio, imma ma rfaw xejn. Ħasbu li jew imsiefrin jew ma joqgħod ħadd.
Viċin id-dar tagħha kien raha karozza BMW traskurata u xi sinjal dwar xi klieb u wara kienu telqu ‘l hemm. George Degiorgio isuq u Jamie Vella u jien fil-karozza u li l-ewwel pjan kien li tkun nieżla mill-benniena bil-karozza, jiefqu ħdejha u Jamie Vella jagħtiha tir bl-arma AK 47.
Dan kien il-pajn inizzjali – sadanittant lanqas biss kienu rawha lil Daphne Caruana Galizia. Darba George Degiorgio qallu biex iwasslu Portomaso biex jitkellem ma’ l-eks Ministru Chris Cardona. Hekk għamel wasslu imma hu ma ra lil ħadd. Degiorgio qallu li Chris Cardona kien xorob xarba u qallu li kien se jagħtihom id-depożitu.
Mitlub jiċċara iktar ix-xhud qal li, dak iż-żmien, il-pjan kien li Caruana Galizia tinqatel b’tiri. Hekk kif kienet għadxdejja fit-triq, Degiorgio kien jimblokka t-triq tagħha b’karozza waqt li Jamie Vella kien jispara lejha b’AK47.
Muscat jgħid li dan il-pjan falla. Anke d-depożitu għall-qtil qatt ma tħallas. George Degiorgio suppost kellu jkun qed jikkollabora mal-avukat David Gatt dwar il-ħlas, iżda l-ebda flus ma ngħataw lill-qattiela għal dan il-pjan.
F’Mejju 2017, ftit snin wara dan il-pjan inizjali ta’ qtil, Muscat mar fit-tinda tal-patata u Alfred Degiorgio, ħu George li mhux akkużat f’dawn il-proċedimenti, qal lil Muscat li Melvin Theuma kien mar b’inkarigu. F’kelma waħda kellu “biċċa xogħol”, biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia. Għal dan, l-aħwa Degiorgio u Vincent Muscat iddeċidew fuq prezz ta’ €150,000, inkluż depożitu ta’ €30,000.
Ix-xhud qal li kien Melvin Theuma li qalilhom biex iwaqqfu l-pjan, għall-inqas sakemm tgħaddi l-elezzjoni. Dik is-sena, saret elezzjoni ġenerali lejn il-bidu ta’ Ġunju. Matul dan iż-żmien, xtraw żewġ mowbajls Nokia bi prezz baxx, wieħed għal Alfred Degiorgio u ieħor għal Melvin Theuma, sabiex ikunu jistgħu jżommu l-komunikazzjoni iżda jeħilsu mill-evidenza aktar tard.
Meta għaddiet l-elezzjoni, Alfred Degiorgio ltaqa’ ma’ Melvin Theuma u qallu li hu ġabar id-depożitu ta’ €30,000. Iż-żewġ aħwa u Vincent Muscat ħadu €10,000 kull wieħed mid-depożitu. Wara dan, Muscat u Alfred Degiorgio bdew jissorveljaw lill-ġurnalista.
Mistoqsi mill-prosekuzzjoni kif kienu jafu fejn toqgħod il-ġurnalista, ix-xhud qal li peress li kien diġà involut fil-pjan bikri biex tinqatel Caruana Galizia, huma diġà kienu jafu fejn hi r-residenza tagħha. Qal li fiż-żmien tal-pjan bikri, George Degiorgio kien il-ħabs, iżda nħeles qabel il-pjan tal-2017 għall-qtil tagħha.
Minħabba l-movimenti tagħha, ix-xhud qal li hu u Degiorgio kienu identifikaw tliet postazzjonijiet ta’ sorveljanza madwar Bidnija u Mosta li ppermettewlhom iżommu għajnejhom fuq Daphne Caruana Galizia. Huwa qal ukoll li l-biċċa l-kbira tax-xogħol ta’ sorveljanza twettaq minnu u George Degiorgio.
Madankollu, it-tlieta li huma, jiġifieri l-aħwa Degiorgio u Muscat żammew fuqhom mowbajls irħas fuqhom biex iżommu l-komunikazzjoni. Dawn kienu xtrawhom mill-Marsa minn ħanut viċin il-knisja.
Robert Agius u Jamie Vella kienu ġabu l-armi biex tinqatel Caruana Galizia
Rigward il-vettura biex tintuża għall-bżonn biex jitwettaq id-delitt, Alfred Degiorgio kien jaf raġel mingħand min setgħu jikru karozza. L-ewwel ingħataw karozza Peugeot li kienet kbira, iżda ma kinux kuntenti wisq b’din għax id-daqs tagħha seta’ jikkawża problemi ta’ manuvrar. Wara kienu ngħataw karozza ikbar.
Innutaw xi stickers fuq il-windscreen tal-karozza u Alfred Degiorgio neħħa l-istickers sabiex il-karozza ma tkunx tista’ tiġi identifikata permezz tagħhom. Wieħed mill-punti ta’ sorveljanza ppermettielhom jersqu qrib id-dar ta’ Caruana Galizia, u saħansitra rnexxielhom jarawha bilqiegħda fuq il-laptop tagħha ġewwa darha.
Kienu biss ftit metri ’l bogħod minnha. Għażla waħda għall-qtil kien hemm sa dak iż-żmien, din kienet li tintuża xkubetta twila b’teleskopju biex tispara lejha minn dan l-angolu. Darba minnhom, meta l-Degiorgio u Muscat kienu fit-tinda tal-patata, Alfred Degiorgio qalilhom li Robert Agius u Jamie Vella kienu akkwistaw xi armi biex iwettqu l-qtil.
Darba oħra, Muscat u Alfred Degiorgio marru f’garaxx fin-Naxxar użat minn Agius u Vella biex jaraw l-l-armi li kienu tliet xkubetti. Agius u Vella ma kinux fil-garaxx meta marru. Skont Muscat, kien Alfred Degiorgio li għażel waħda mix-xkubetti, peress li kien aktar familjari mal-armi.
mix-xkubetti ma kinux fl-aħjar kundizzjoni, iżda waħda minnhom dehret li kienet ta’ kwalità tajba. “Kienu kollha tajbin biex jintużaw, imma għażilna l-aħjar waħda,” sostna x-xhud. Huma qabdu l-aħjar waħda, u t-tnejn l-oħra tħallew fil-garaxx. Alfred Degiorgio ikkkarga u pprova x-xkubetta f’razzett f’Ħaż-Żebbuġ.
Muscat jiftakar li kien ilu li sema’ b’dan il-garaxx fin-Naxxar, iżda kien mar fih għall-ewwel darba biex jagħżel din lix-xkubetta.
Fix-xhieda tiegħu Muscat qal li hu u Degiorgio marru f’għalqa fil-Bidnija b’vista ċara ta’ Caruana Galizia tittajpja fuq il-kompjuter tagħha. Il-pjan kien li Degiorgio jisparalha minn tieqa ta’ kantina bl-użu tar-rifle li jistrieħ fuq xkejjer mimlija ħamrija. Madankollu, dan il-pjan falla. George Degiorgio qal li kien jippreferi juża bomba. Ir-rifle wara tpoġġa lura fil-garaxx tan-Naxxar, u Muscat qatt ma reġa’ rah.
F’okkażjoni oħra, Alfred Degiorgio ħa lil Melvin Theuma fil-post tas-sorveljanza fil-Bidnija. Degiorgio uża l-karozza ta’ Muscat biex isuq lil Theuma fuq il-post. Theuma kien ilu jċempel ripetutament u jmur fit-tinda tal-patata, minkejja li Degiorgio qallu biex ma jżurhomx hemm. Muscat jgħid li qatt ma tkellem ma’ Theuma dwar id-dettalji tal-pjan tal-qtil.
Muscat kompla jgħid li kien jara lil Theuma fil-Ħamrun ta’ spiss. Darba minnhom, Theuma qal lil Muscat biex jgħid lil Alfred Degiorgio biex iċempillu lura. Kien hemm perjodu ta’ żmien, skont Muscat, meta lkoll kellhom jibdlu l-mowbajls.
Dan kien għaliex iben Melvin Theuma, li kellu madwar sitta jew sebgħa snin dak iż-żmien, aċċidentalment ħa l-mowbajl. Inkwetati, ilkoll iddeċidew li jibdlu l-mowbajls tagħhom għal raġunijiet ta’ sigurtà.
Il-laqgħa ta’ Alfred Degiorgio ma’ Chris Cardona
Vincent Muscat kompla jgħid li wieħed mill-aħwa Degiorgio kellu l-idea li jerġa’ jkellem lil Chris Cardona biex jara jekk ikollux xi idea dwar il-movimenti ta’ Caruana Galizia. Muscat qabel ma’ dan il-pjan. Muscat isemmi wkoll lil ċertu Toni ‘l-iblaħ’, li kien ix-xufier ta’ Chris Cardona.
Tenna li Alfred Degiorgio ltaqa’ ma’ Cardona permezz ta’ Toni. Muscat qal lill-qorti dak li qallu Degiorgio dwar din il-laqgħa li żvela li Cardona bagħat messaġġ lil xi ħadd ieħor, li Degiorgio ssuspetta li kien d-Deputat Kummissarju tal-Pulizija, Silvio Valletta, iżda mbagħad qal lil Alfred Degiorgio li hemm grupp ieħor li qed jitlob €150,000 biex joqtol lil Caruana Galizia.
Degiorgio kien jaf li kienu huma l-grupp li qed jikkwota dak l-ammont, jiġifieri kien hemm grupp wieħed, mhux tnejn. Muscat qal li kienu għaddew snin minn meta hu stess kien iltaqa’ ma’ Chris Cardona, u li l-eks Ministru kien l-Avukat tiegħu meta l-partit tiegħu kien fl-oppożizzjoni.
Muscat qal li iktar tard, it-tlieta li huma kienu semgħu li Caruana Galizia kienet se ssiefer. Hawn huma marru l-ajruport biex jaċċertaw ruħhom li hi u l-familja kienu se jitilqu bl-ajru. Muscat qal li Alfred Degiorgio telaq mill-karozza biex imur jarahom jagħmlu ċ-check-in bil-bagalji tagħhom.
Wara dan, mar lura lejn il-karozza u qalilhom li kollox kien qed jindika li kienu se jitilqu għalkollox. “Qatt ma kien ra bagalja daqshekk kbira,” qalilhom Degiorgio. Madankollu, aktar tard skoprew li kienet qed tivvjaġġa ma’ żewġha biex tattendi t-tieġ ta’ binhom.
Meta eventwalment iddeċidew li jwettqu l-qtil b’bomba, Jamie Vella u Robert Agius reġgħu rnexxielhom iġibulhom għażla ta’ tliet bombi għall-għażla tagħhom. Skont Muscat, il-bombi niżlu minn Sqallija permezz tal-katamaran. Waħda minn dawn il-bombi kienet dik li ntużat biex toqtol lil Caruana Galizia.
Il-bomba kellha bejn 300 u 500 gramma ġelatina
L-aħwa Degiorgio riedu li l-bomba tkun b’saħħitha biżżejjed biex tiżgura li l-pjan iseħħ mingħajr ebda intoppi. Muscat qal li sema’ lil George Degiorgio jgħid li l-bomba kellha bejn 300 u 500 gramma ta’ ġelatina.
L-akkużat Degiorgio kien qal lil Muscat li jew Robert Agius jew Jamie Vella kienu se jpoġġu l-bomba taħt dgħajsa maqluba ta’ taħt fuq fit-tinda tal-patata fil-Marsa. Madankollu, l-ewwel darba li Muscat ra l-bomba kien fil-garaxx tan-Naxxar użat minn Jamie Vella u Robert Agius.
Dwar kif kellha tiġi attivita l-bomba x-xhud qal li Alfred Degiorgio ġab flixkun żgħir tal-ilma mimli bil-petrol biex ikun hemm iktar impatt fl-isplużjoni tal-bomba u fil-fatt dan twaħħa mal-bomba ftit qabel ġiet sploduta. Din kellha messaġġ twil xi 14-il numru bejn wieħed u ieħor qal ix-xhud.
“Il-Koħħu” se jkompli jixhed għada fis-9am u baqa’ appartat fil-Qorti taħt kustodju minflok intbagħat il-ħabs minħabba s-sigurtà wkoll għall-proċeduri.
Mart l-Avukat Chircop tispjega t-trawma li għaddew minnha hi u binha wara l-qtil ta’ żewġha
Mart l-avukat Carmel Chircop li nqatel f’Ottubru ta’ 10 snin ilu, qalet lill-ġurati li, flimkien ma’ binha, kienet aċċettat €165,000 fi ftehim barra l-qorti minħabba t-trawma li għaddew minnha wara li żewġha nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar.
Mary Rose Chircop b’mod kommoventi xehdet kontra erba’ rġiel akkużati li kellhom rwol fil-qtil ta’ Carmel Chircop, li nqatel b’tir ta’ arma tan-nar fit-8 ta’ Ottubru 2015. Chircop qalet lill-ġurati li fil-jum tal-qtil, kellha tiġbor tliet ittri rreġistrati mill-uffiċċju postali. Hija ftakret li żewġha kien qalilha biex tiftaħhom u tinfurmah immedjatament jekk kienet xi ħaġa kienet relatata mal-qorti.
Il-mara ġabret l-ittri, iżda meta ppruvat iċċempillu, ma setgħetx taqbdu. Għall-ewwel ħasbet li kien nesa l-mobile tiegħu fil-karozza jew kien qed jieħu kafè xi mkien sakemm irċeviet telefonata mingħand oħtu, soru, li kienet qed tiċċekkja fejn seta’ kien.
Il-mara ftakret li s-soru u Carmel dejjem kienu jiskambjaw messaġġi filgħodu. Hawn kien qalet is-soru li ċemplet u staqsiet “fejn hu ħija?” bix-xhud twieġeb li kien telaq għall-ħabta tas-6.45am. Hija staqsiet x’ġara, u s-soru qaltilha biex tiċċekkja Facebook.
Ix-xhud tela’ fuq fejn kien hemm binhom, u żiedet li dakinhar, kellu lecture filgħodu kmieni li kienet ġiet ikkanċellata, inkella kien jitlaq ma’ missieru. “Kieku l-lecture tiegħu ma ġietx ikkanċellata ġurnata qabel, it-tnejn kienu jinqatlu,” żiedet tgħid il-mara.
Hekk kif telgħet fuq, talbet lil binha biex jiċċekkja Facebook. “L-ewwel rajna artiklu ‘Raġel maqtul b’tir f’Birkirkara’ u mbagħad ‘Avukat maqtul b’tir f’Birkirkara’,” qalet ix-xhud, tibki waqt ix-xhieda tagħha. Il-mara marret l-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara u talbet aktar informazzjoni, madankollu, l-uffiċjal tal-pulizija rrifjuta li jiżvela xi dettalji qabel ma l-ispettur tal-pulizija jasal fuq il-post.
Binha mar ukoll fl-Għassa tal-Pulizija, u wara kienet sejra lejn il-kumpless tal-garaxx fejn żewġha kien iżomm il-karozza tiegħu. Il-mara li waqt ix-xhieda tagħha baqgħet tibki, qal li kif wasal l-ispettur irrealizzat immedjatament x’kien se jgħidilha.
Għall-ħabta tal-11am, l-omm u binha marru l-Qorti biex jagħtu x-xhieda tagħhom fl-inkjesta maġisterjali. Waqt ix-xhieda tagħha, Mary Rose Chircop intweriet kuntratt iffirmat ma’ EROM Limited. Il-kuntratt kien fuq dejn ta’ €750,000 iffirmat bejn Carmel Chiciop, Mary Rose Chircop u Adrian Agius fil-kapaċità personali tiegħu.
Kien hemm ipoteka speċjali fuq il-villa ta’ Agius. Il-koppja ffirmat żewġ kambjali b’valur ta’ €300,000 kull waħda ma’ Ryan Schembri u martu, Angie, u Etienne Cassar u martu, Nathalie. Chircop spjegat li żewġha kien qalilha li kien xi tip ta’ self.
Hija żiedet li meta ġie ffirmat id-dokument, l-avukat deher quddiem in-nutar Malcolm Mangion, iżda hija ma kinitx preżenti. Ir-raġel tagħha mbagħad ġabru u qalilha li kienu se jiffirmaw il-kostituzzjoni tad-dejn fl-uffiċċju ta’ Mangion f’Ħal Luqa, mingħajr il-preżenza tan-nutar.
Hija ffirmat il-kostituzzjoni tad-dejn dakinhar waranofsinhar. Il-Prosekutur Godwin Cini insista lix-xhud dwar id-dettalji tad-dokument. Filwaqt li ddeskriviet lill-avukat bħala persuna diliġenti u metikoluża, Chircop qalet li ma talbitux jispjega d-dettalji fid-dokument.
Hija żiedet li €50,000 tħallsu lil Chircop fil-jum li ffirmaw. Dan kien segwit minn żewġ pagamenti oħra. Madankollu, dak kien meta l-ħlasijiet waqfu. Hija ftakret li, madwar sena wara, Adrian Agius kien jew avviċina lil Carmel jew ċempillu, u offrielu l-villa tiegħu biex iħallas l-ammont dovut. Il-koppja kienet marrret tara l-villa f’Lulju.
“Meta wasalna Baħar iċ-Ċagħaq, kien hemm raġel mhux magħruf jistrieħ mal-ħajt tal-konfini. Staqsejt jekk kienx Adrian, u żewġi wieġeb li ma jafux. “Stennejna lil Adrian, daqqejna l-qanpiena, imma ħadd ma fetaħ. Żewġi ħaseb li ma kienx se jiġi, allura tlaqna. Hekk kif dħalna fit-Triq il-Kosta, Adrian ċempel lil żewġi, u skuża ruħu li kien maqbud fit-traffiku. “Dorna lura, u ġie Adrian Agius,” kompliet tgħid ix-xhud.
Ir-raġel mhux identifikat telaq, kompliet Chircop, u żiedet li wara żjara fil-villa, huma infurmaw lil Agius li ma għoġbithomx. Xi ġimgħat wara, kienu qed jieħdu kafè fin-Naxxar meta daħal Adrian Agius. Carmel Chircop tkellem miegħu għal madwar kwarta fuq mejda oħra.
Meta mistoqsija jekk kinitx semgħet xi ħaġa, il-mara qalet li semgħet biss lil żewġha jgħid: “allura terġa’ tibda tħallasni” qabel ma telqu ‘l hemm. Fl-14 ta’ Settembru 2015, il-koppja ċċelebrat l-anniversarju tagħhom f’Venezja.
Ix-xhud ma kinitx taf jekk iltaqgħux meta rritornaw minn Venezja, u żiedet li l-qtil seħħ ftit aktar minn tliet ġimgħat wara. L-avukat ta’ Adrian Agius, Nicholas Mifsud, interroga lix-xhud dwar ix-xhieda tagħha fl-inkjesta fejn indikat kwistjoni bejn Chircop u s-sieħeb fin-negozju Jeffrey John Mallia dwar art fil-Qortin.
L-iżvilupp fuq l-art fil-Qortin tlesta wara l-qtil. Meta ġiet mistoqsija dwar il-karattru ta’ Mallia, il-mara qalet li inizjalment kellha l-impressjoni ħażina u ma tantx ħasbet dwaru, iżda aktar tard biddlet fehmha. Dr. Mifsud staqsieha jekk kinitx taf b’rapport tal-pulizija li żewġha kien għamel kontra Mallia. Il-mara ma ftakritx li r-raġel tagħha irrapporta lil Mallia għal theddid.
Id-direttur tas-supermarkets MORE jgħid li ma kien hemm l-ebda self ta’ €750,000 minn Chircop. L-eks direttur tas-Supermarkets MORE Ryan Schembri wkoll xehed. Huwa spjega li fl-2014 kien id-direttur ta’ diversi kumpaniji, inkluża EROM Ltd.
Il-kumpanija twaqqfet flimkien ma’ Etienne Cassar u Adrian Agius għall-ħażna ta’ prodotti u stokk li kellhom jiġu distribwiti lil kumpaniji oħra. Ix-xhud qal li kellhom bżonn maħżen għax in-negozju tagħhom kien qed jespandi. Huwa fakkar li Agius kellu kuntatti fil-proprjetà immobbli, u permezz tal-aġent tiegħu, sabu post f’Ħal Qormi.
Huma daħlu fi ftehim verbali, u d-dejn kien parti minn dan il-ftehim. Chircop kien daħal fi ftehim ta’ wegħda ta’ bejgħ mal-aħwa Bonnici għall-maħżen. Mistoqsi dwar dan id-dejn, Schembri qal li n-negozjati ħadu żmien twil, hekk kif fittxew li jsolvu kwistjonijiet mal-awtoritajiet tal-ippjanar u jsibu l-finanzjament għall-proġett.
Fi ftit xhur, EROM bdew jikru l-livell ta’ taħt direttament mingħand Bonnici Brothers. Schembri ftakar lil Chircop jgħid li jekk riedu jużaw il-proprjetà, kellu jkun kopert, u daħlu fil-ftehim ta’ kostituzzjoni tad-dejn f’Marzu 2014. Sa Settembru 2014, Schembri kien ħarab minn Malta.
Waqt l-interrogazzjoni minn Mifsud, ix-xhud ikkonferma li ma kien hemm l-ebda self ta’ €750,000 minn Chircop. L-avukat tad-difiża insista dwar għaliex kienu għażlu kostituzzjoni ta’ dejn meta Chircop kien qed iċedi d-drittijiet tiegħu fil-wegħda ta’ bejgħ lil EROM.
Schembri qal li ma jiftakarx x’kienet ir-raġuni għal dan.
L-Imħallef Edwina Grima qed tippresiedi l-ġurija. Il-Prosekuturi Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella. L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio.
L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familha Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.