Lokali

Miż-Żurrieq sa Ruma – Il-Banda Santa Katarina V.M. issiefer għall-għaxar darba

Huwa ta’ unur kbir għas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. li, fl-għaxar impenn internazzjonali tagħha, ser tkun qegħdha tirrappreżenta lil Malta u Għawdex fil-Ġublew tat-Tama 2025 f’Ruma u l-Belt tal-Vatikan.

Il-Ġublew tal-Baned u l-Mużika Popolari, li se jsir bejn l-10 u l-11 ta’ Mejju 2025 bħala parti mill-Ġublew Mqaddes 2025, iġib miegħu t-tema tat-Tama u l-Għaqda bejn il-popli.

Grupp ta’ madwar 120 ruħ ser jifforma l-kontinġent Żurrieqi f’dan l-impenn internazzjonali ferm importanti. Dawn jinkludu 42 bandist tal-post, jiġifieri kollha mużiċisti tal-Banda Santa Katarina V.M., u aktar minn 80 persuna oħra, fosthom membri tal-Kumitat u partitarji.

Immedjatament mal-wasla f’Ruma, jibda l-ewwel impenn, fejn is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M., ġiet mistiedna tipparteċipa f’ċerimonja ġubilari fil-Bażilika Papali ta’ Santa Marija Maggiore. Il-programm jibda l-Ġimgħa 9 ta’ Mejju 2025, bid-dħul tal-pellegrini Maltin mill-Porta Santa, segwit minn quddiesa fil-Bażilika. Wara l-quddiesa, il-Banda Santa Katarina V.M., taħt it-tmexxija tas-Surmast Josef Grech, tesegwixxi kunċert ta’ mużika Marjana u reliġjuża quddiem il-Bażilika – unur kbir, speċjalment fid-dawl tal-fatt li Papa Franġisku għadu kif indifen f’dan il-lok qaddis.

Is-Sibt, 10 ta’ Mejju 2025, il-Banda Santa Katarina V.M. ser ikollha impenn mużikali fil-17:30 fi Piazza di Pietra. F’din l-attività, baned minn madwar id-dinja kollha – militari, folkloristiċi, skolastiċi u oħrajn – ser jingħaqdu flimkien sabiex juru t-talenti mużikali tagħhom u jferrħu lill-eluf ta’ pellegrini u turisti li ser jimlew il-pjazez u t-toroq ta’ Ruma fi żmien il-Ġublew, kif ukoll waqt il-konklavi għall-ħatra ta’ Papa ġdid.

Iktar tard, is-Sibt filgħaxija madwar id-21:30, il-Banda Santa Katarina V.M. ser tkun qed tagħmel marċ fi Piazza di Santa Maria in Trastevere flimkien ma’ baned internazzjonali oħra f’avveniment ieħor organizzat f’kollaborazzjoni mal-Ġublew tal-Baned.

Stennija kbira hemm għall-Ħadd 11 ta’ Mejju 2025, għax din hija l-ġurnata tal-għeluq tal-Ġublew tal-Baned u l-Mużika Popolari. Il-programm mistenni jibda b’quddiesa solenni li ser issir fi Piazza Cavour. Wara, l-Banda Santa Katarina V.M. ser tipparteċipa fi sfilata flimkien ma’ mijiet ta’ baned internazzjonali oħra.

F’parata ta’ madwar 20 minuta, il-baned preżenti jiġu mdaħħla fi Pjazza San Pietru fil-Belt tal-Vatikan. Waqt din il-parata – bil-preżenza ta’ eluf kbar ta’ nies li mistennija jimlew kull rokna ta’ din il-pjazza maestuża – kull banda ser ikollha l-opportunità li ddoqq biċċa mużika tal-għażla tagħha. Ma jistax jonqos li l-Banda Santa Katarina ser iddoqq marċi popolari Maltin.

Din hija opportunità rari u ta’ prestiġju li ser tgħaqqad il-fidi, il-kultura u l-mużika, f’esperjenza li se tibqa’ fil-qalb tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. għal dejjem. Il-Banda Santa Katarina V.M. hija kburija li, għall-għaxar darba, ser tkun qiegħda tagħmel ġieħ lir-raħal taż-Żurrieq u sservi wkoll bħala ambaxxatriċi mużikali għal pajjiżna.

Is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. twaqqfet fl-1864 bil-għan li tippromwovi l-kultura fir-raħal taż-Żurrieq permezz tat-tagħlim tal-mużika. Wara 161 sena mit-twaqqif tagħha, is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. għadha tħaddan l-għanijiet oriġinali tagħha, li ġew imsaħħa bl-impenn li tipparteċipa fl-aktar festi popolari organizzati f’pajjiżna, kif ukoll bl-involviment tagħha f’avvenimenti internazzjonali.

Sa mit-twaqqif tagħha, is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. kellha suċċess kbir fil-promozzjoni tal-mużika u kisbet ukoll reputazzjoni internazzjonali wara li pparteċipat f’disa’ avvenimenti mużikali ġewwa Noto, Acireale u Catania fi Sqallija, Bari u Lucca fl-Italja, Budapest, Black Forest fil-Ġermanja, Schladming fl-Awstrija u Lleida fi Spanja.