minn Joe M. Zahra
F’Jannar u Frar il-Gvern ġabar inqas flus u nefaq iktar, bir-riżultat li għal xahar wara l-ieħor kellna żbilanċ fil-finanzi tal-Gvern. Ħarġu wkoll iċ-ċifri tad-dħul u l-ħruġ tal-Gvern għax-xahar ta’ Marzu u għall-ewwel kwart tas-sena.
F’Marzu, il-Gvern daħħal €10 miljun iktar mill-istess xahar tas-sena l-oħra, iżda meta nieħdu l-ewwel tliet xhur tas-sena nsibu li l-finanzi tal-Gvern għadhom €93.8 miljun minn taħt fuq l-istess tliet xhur tal-2024. Dan jirriżulta fi żbilanċ ta’ 5.7 fil-mija. Meta mbagħad niġu għan-nefqa nsibu li din kompliet żdiedet meta l-Gvern nefaq €188.2 fil-mija iktar, jew 11.7 fil-mija iktar. Hekk l-iżbilanċ kompla twessa!
Dan kollu wassal għal żbilanċ ta’ €282 miljun fil-Fond Konsolidat, jew kif nafuha aħjar il-kaxxa ta’ Malta. Dan fl-istess waqt li l-Gvern fl-ewwel tliet xhur tas-sena ssellef €450 miljun.
Id-dejn tal-Gvern f’Marzu li għadda kien jilħaq €10,794 miljun, jew €844.4 miljun iktar mill-istess xahar tal-2024, 8.5 fil-mija iktar. F’interessi fuq dan id-dejn tħallsu €73.7 miljun, €11.4 miljun jew 18.4 fil-mija iktar mill-istess perjodu tal-2024.
In-nuqqas fid-dħul
Mit-Tabella Numru 2 jirriżulta li f’Diċembru, il-Gvern kellu dħul addiżżjonali mill-‘income tax’ fuq Novembru ta’ €394 miljun. Ċifra għolja ħafna iżda li xorta m’għamlitx tajjeb, biex skont il-Eurostat kellna l-ikbar defiċit jew żbilanċ, fost il-pajjiżi membri kollha tal-UE. Huwa għalhekk li għal darb oħra jkollna nistaqsu x’qed jiġi mill-finanzi tal-Gvern?
Il-Ministru għall-Finanzi jagħti l-impressjoni li kollox miexi fuq ir-rubini. Li se jkollna riżultati aħjar milli previst. Fil-bidu ta’ April, il-Ministru Clyde Caruana stqarr li n-nuqqas qawwi fid-dħul mill-‘income tax’ li kien hemm fi Frar kien biss riżultat ta’ ħlas qawwi li sar tliet xhur qabel.
Kollu minnu li dak li tħallas f’‘income tax’ iktar f’Diċembru qed jidher inqas fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena iżda d-dħul mill-‘income tax’ fl-ewwel tliet xhur tas-sena xorta għadu inqas mill-ewwel tliet xhur tas-sena l-oħra.
Lanqas jirriżulta miċ-ċifri pubblikati li l-ħlas kmieni tal-‘income tax’ f’Diċembru ta spinta lill-finanzi tal-Gvern u wassal biex tefa’ lura l-ħruġ ta’ ‘bonds’ b’xahrejn. Jirriżulta miċ-ċifri pubblikati li l-Gvern ma għamel ebda self f’Jannar la ta’ din is-sena u lanqas f’Jannar tas-sentejn ta’ qabel iżda fi Frar il-Gvern issellef fl-2023, 2024 u l-2025. Fi Frar 2023 issellef €350 mijun; fi Frar 2024 issellef €400 miljun u fi Frar ta’ din is-sena ssellef €450 miljun, €50 miljun iktar kull sena.
Dak għaċ-ċifri kif jirriżultaw mill-istqarrijiet uffiċjali dwar id-dħul u l-ħruġ tal-Gvern li jiġu pubblikati kull xahar.
Investiment tal-Gvern
L-infiq bl-addoċċ tal-Gvern, f’kull settur, qed iwassal biex l-infiq kapitali, jew l-investiment tal-Gvern qed jonqos xahar wara l-ieħor. Jekk nieħdu l-ewwel tliet xhur tas-sena dan naqas bi €11.4 miljun fuq l-istess perjodu tal-2024 iżda naqas ferm iktar jekk nipparagunawh mal-perjodu Jannar/Marzu 2023. Hawnhekk in-nuqqas ta’ din is-sena fuq l-2023 kien ta’ €33.5 miljun!
Trid jew ma tridx ikollok tistaqsi jekk b’din il-miżerja ta’ investiment kapitali kif jista’ l-Gvern jwettaq xi biċċa mill-ħafna proġetti li kontinwament iwiegħed speċjalment fl-infrastruttura, is-settur tas-saħħa u t-trasport li dawn mhux għexieren ta’ miljuni jridu biex ikunu realizzati iżda mijiet jekk mhux eluf ta’ miljuni.
Dawn iċ-ċifri għalhekk jikxfu bl-iktar mod ċar kemm dan huwa Gvern ta’ wegħdi biss u wegħdi spiss. Biex imbagħad fl-aħħar mill-aħħar ma jsir xejn!
Jikxfu wkoll li dan huwa Gvern bla prioritajiet. Tajjeb kieku xi ħadd jgħidilna pereżempju kemm swew flus dawk il-ħafna ‘billboards’ li tqegħdu ma’ Malta kollha li qed ittella’ l-Kummissjoni tal-Films biex turina li qed tagħmel xi ħaġa u forsi tegħleb il-kritika li qed issirilha. Il-produzzjoni tal-films, li ilha għaddejja mitt sena, żgur mhix niċċa ekonomika li għandha bżonn dak il-ħela kollha ta’ flus fi propaganda rħisa f’pajjiżna. Propaganda rħisa li żgur ma tattira l-ebda film ġdid lejn Malta.
Tajjeb ukoll li kieku l-Ministru għall-Finanzi jilluminana dwar kemm qed jintefqu miljun fi propaganda fuq il-mezzi tax-xandir, fuq il-mezzi soċjali u fuq mezzi oħra ħalli hekk inkunu nafu fejn sejrin il-miljuni li b’tant sagrifiċċji l-poplu jħallas f’taxxi.
Il-prezz taż-żejt
Bi prezz taż-żejt mhux maħdum idur madwar is-$60 il-barmil, il-Gvern żgur m’għadux jonfoq l-għexieren ta’ miljuni f’sussidji li kien jgħid li jonfoq. Is-sussidji jidhirli li kienu nħadmu fi prezz taż-żejt ta’ madwar $100 il-barmil u mhux $60. Differenza kbira!
Dan ifisser li l-Gvern qed jiffranka bil-kbir mis-sussidju. Jekk verament għadu joħroġ xi ewro f’sussidju! Dan iħalli f’idejn il-Ministru għall-Finanzi ammont konsiderevoli ta’ miljuni li jistgħu jiġu investiti fi proġetti kapitali li jirrendu u mhux jiġu sparpaljati fuq l-irjus.
Pajjiżna ma jistax ikompli jonfoq dak li ma jaqlax. Bil-Malti ngħidu ‘erfa’ u sorr għal meta tiġi bżonn’. Ma jirriżultax li dan qed isir. Li qed jintefqu flejjes kbar żgur huma fuq nies tal-qalba li jitħallsu mijiet ta’ eluf ta’ ewro basta jinżammu kwieti!
Pajjiżna jixraqlu aħjar. Jixraqlu pajjiż fejn il-finanzi jitmexxew bil-għaqal u bi prioritajiet. Bi pjan u mhux bl-udit. Dan il-Gvern, wara tnax il-sena fit-tmexxija falla u spiċċa bla ideat. L-uniku ħsieb tiegħu huwa li jbqa’ fil-Gvern jiswa x’jiswa lil butna.

Tabella 2: Ċifri li ġbart mill-istatistika tad-dħul u l-ħruġ tal-Gvern Malti bejn Jannar u Diċembru 2024 li ġew pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 9 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>