Internazzjonali Lokali Sport

Opportunità għar-Russja li tilgħab fit-Tazza tad-Dinja tal-2026 – il-President Donald Trump

F’laqgħa tat-Task Force b’rabta mal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja 2026, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump fil-preżenza tal-President tal-FIFA Gianni Infantino qal li l-opportunità għar-Russja li tilgħab fit-Tazza tad-Dinja tal-2026 tista’ tkun inċentiv biex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna.

It-tim nazzjonali tal-futbol Russu ġie pprojbit milli jieħu sehem f’kompetizzjonijiet internazzjonali mill-FIFA u l-UEFA minn mindu l-pajjiż invada l-Ukrajna fl-2022.

Skont ir-regoli attwali, ir-Russja mhux se tilgħab fit-Tazza tad-Dinja tal-2026 li qed tiġi ospitata b’mod konġunt mill-Istati Uniti, il-Kanada u l-Messiku.

Il-kwalifikazzjoni bdiet f’Settembru 2023, b’45 post disponibbli minbarra t-tliet nazzjonijiet li qed jorganizzaw.

Trump, bilqiegħda ħdejn il-President tal-Fifa Gianni Infantino, ma kienx jaf li r-Russja kienet ipprojbita milli tikkompeti.

Infantino kkonferma ma’ Trump li għalissa huma pprojbiti milli jilagħbu fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni imma jittama li jiġri xi ħaġa u li jkun hemm il-paċi sabiex ir-Russja tkun tista’ terġa’ tiġi ammessa.

Trump ikkummenta li Infantino kien il-kap meta ġiet għal deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni tar-Russja u li ma kellu x’jaqsam xejn ma’ kwalunkwe sejħa biex jerġgħu jiddaħħlu.

Il-Viċi President tal-Istati Uniti JD Vance, li kien fil-laqgħa ħdejn il-President Trump, qal li l-Istati Uniti qed tistenna bil-ħerqa li tilqa’ partitarji minn madwar id-dinja għat-turnew iżda qal li s-supporters fi tmiem il-kompetizzjoni jridu jirritornaw f’pajjiżhom.

Fl-Istati Uniti se jintlagħbu 78 mill-104 partita inkluża l-finali.