Lokali Qorti

Ralph De La Torre jgħid li m’għandhomx jittieħdu proċeduri kontrih sa tmiem l-eżitu fil-każ li ressaq fl-Istati Uniti

Ralph De La Torre, li kien CEO tal-kumpanija reġistrata ġewwa l-Amerka “Steward Healthcare” u li ftit tax-xhur ilu kien irriżenja minn tali kariga qed jitlob biex ma jinbdewx u jekk huwa l-każ li bdew jiefqu jew jiġu sospiżi l-proċeduri kontrih sakemm ikun hemm eżitu fil-każ li huwa ressaq ġewwa l-Istati Uniti. Qed jgħid li dan il-fatt imur kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

De La Torre ressaq każ fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, Sede Kostituzzjonali kontra l-Avukat ta’ l-Istat u l-Avukat Ġenerali fejn qed jikkontendi illi huwa jaf li kien wieħed mill-persuni nvestigati u imsemmija fl-inkjesta dwar l-allegat korruzzjoni fl-għotja tal-kuntratt mogħti lill-Vitals/Steward Healthcare.

Huwa fatt li qed jittieħdu proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu bħalma ttieħdu diġà kontra numru ta’ persuni oħra. Għaddejjin ukoll proċeduri parralleli quddiem is-Senat Amerikan. Fil-frattemp il-kumpanija “Steward Healthcare” ddikjarat ruħha falluta fl-Amerka. Is-Senat Amerikan inizzja investigazzjoni dwar De La Torre fuq allegat miżapproprijazzjoni ta’ fondi appartenenti lill-istess soċjetà.

Illi f’dawn il-proċeduri quddiem is-Senat Amerikan huwa ġie mħarrek sabiex jixhed taħt piena ta’ disprezz lejn is-Senat fin-nuqqas. Minħabba f’dan l-esponent ipproċeda b’kawża fil-United States District Court for the District of Colombia fejn qiegħed jinvoka l-fifth emendment u ċioe d-dritt tiegħu li ma jinkriminax ruħu hemmhekk.

Huwa qal li għalhekk se jiġi ssuġġettat għal żewġ proċeduri paralleli, waħda fl-Amerka u l-oħra f’Malta. Jekk jiġi imġiegħel jixhed quddiem is-Senat Amerikan f’każ ta’ eżitu negattiv fil-proċeduri li huwa inizzja hemmhekk, huwa jkun ippreġudika d-dritt tiegħu tas-silenzju vis-à-vis il-proċeduri kriminali li se jinbdew kontra tiegħu f’Malta.

Huwa qal m’hemm xejn x’iżomm lill-prosekuzzjoni fil-proċeduri kriminali f’Malta milli jeżebixxu kopja tat-testimonjanza illi l-esponent ser ikollu jagħti ġewwa l-Amerka u konsegwentement ser isseħħ leżjoni tad-dritt ta’ l-esponent ta’ smiegħ xieraq, stante li ser jiġi imċaħħad mid-dritt illi ma jinkriminax ruħu.

Illi apparti minn hekk il-konklużjonijiet ta’ l-inkjesta dwar l-allegat korruzzjoni fl-għotja tal-kuntratt mogħti lill-Vitals/Steward Healthcare huma bbażati fuq rapport tal-espert Jeremy Harbinson. Qed jirriżulta però illi dan ir-rapport ma sarx minn Jeremy Harbinson personalment però minn impjegati tas-soċjeta’ estera Harbinson Forensics Ltd.

Tenna li jirriżulta illi l-kumpanija Harbinson Forensics Ltd għadha kif ġiet likwidatat filwaqt illi Jeremy Harbinson qiegħed jirrifjuta illi jiġi Malta biex jixhed. Illi tenut kont dan u tenut kont in-nuqqas ta’ trasparenza illi qed tirriżulta, ir-rapport in kwistjoni ma jistax jitqies bħala rapport illi għandu jkun il-bażi ta’ proċeduri kriminali daqstant serji.

Mill-banda l-oħra huwa magħrud illi sabiex wieħed jitressaq il-Qorti m’huwiex biżżejjed illi jkun hemm suspett raġjonevoli li l-persuna investigata tkun ikkommettiet reat, però il-prosekuzzjoni trid tkun moralment konvinta illi għandha biżżejjed provi biex tipprova l-ħtija.

Tenna li kjarament tali provi huma totalment nieqsa tenut dak rigwardanti r-rapport ta’ Harbinson. Illi in effetti fi proċeduri kriminali li diġà qed jipproċedu kontra numru ta’ persuni allegatament involuti fil-korruzzjoni fejn anke l-Avukat Ġenerali qed jirrikonoxxi illi Harbinson huwa xhud indispensabbli.

Għaldaqstant De La Torre qed jitlob lill-Qorti tiddikjara illi minhabba illi huwa kostrett jixhed fi proċeduri kontra tiegħu quddiem is-Senat Amerikan huwa se jiġi ppreġudikat fi proċeduri paralleli ta’ natura kriminali li huma mistennija li jiġu inizzjati kontra tiegħu hawn Malta wara l-inkjesta dwar l-allegat korruzzjoni fl-għotja tal-kuntratt mogħti lill-Vitals/Steward Healthcare.

Tenna li hu għandu d-dritt illi ma jinkriminax ruħu minħabba illi l-proċeduri kriminali li huma mistennija li jiġu inizzjati kontra tiegħu hawn Malta huma bbażati fuq rapport ta’ Harbinson li, minħabba dubji serji dwar kif ġie żvelat u minħabba illi l-persuni li rrediġewh mhux se jixhdu biex jikkonfermaw il-kontenut tiegħu.

Dan qal De La Torre li ma jista’ qatt jikkostitwixxi prova suffiċjenti sabiex ikun hemm “a reasonable prospect of conviction”, dan jilledu jew ser jilledi d-dritt ta’ l-esponent għal smiegħ xieraq dritt ta’ smiegħ xieraq kif sanċit fl-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea ghad-Drittijiet u l-Liberitajiet tal-Bniedem.

Għaldaqstant huwa qed jitlob lill-Qorti li tagħti dawk ir-rimedji li jidhrilha xierqa għat-twettiq ta’ dawn id-drittijiet fundamentali msemmija, fosthom li tordna illi ma jittiehdux proċeduri kriminali fil-konfront ta’ l-esponent, jew altrementi tordna li ma jittieħdux tali proċeduri, jew jekk diġa nbdew, jiġu irtirati jew sospiżi sakemm ikun hemm eżitu fil-proċeduri li l-esponent intavola fil-Qorti ta’ Colombia u l-proċeduri quddiem is-Senat Amerikan. Ir-rikors kien iffirmat mill-Avukati Jose’ A. Herrera, Matthew Xuereb u David Camilleri.