Internazzjonali

AĠĠORNATA: L-Indja u l-Pakistan jaqblu fuq ftehim għall-waqfien mill-ġlied

Wara jiem ta’ kunflitti intensivi bejn l-Indja u l-Pakistan, inkluż attakki bil-missili u drones fuq bażijiet militari, iż-żewġ pajjiżi qablu fuq ftehim għall-waqfien mill-ġlied.

Il-President tal-Istat Uniti Donald Trump ħabbar dan permezz tal-midja soċjali, fejn qal li l-Istat Uniti kienet strumentali fil-medjazzjoni bejn iż-żewġ naħat.

Din l-aħbar ġiet ikkonfermata wkoll mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Pakistan fejn saħaq li ntlaħaq ftehim biex jiġu sospiżi l-operazzjonijiet militari minnufih.

Is-Segretarju tal-Affarijiet Barranin tal-Indja ikkonferma li ntlaħaq dan il-ftehim wara telefonata li kellu mad-Direttur Ġenerali tal-Armata tal-Pakistan.

Dan il-ftehim wasal fi żmien ta’ tensjoni qawwija, hekk kif iż-żewġ pajjiżi kienu involuti f’attakki militari bejniethom, fejn l-Indja laqtet tliet bażijiet fil-Pakistan bħala risposta għall-attakk terroristiku li qatel 26 turist f’Pahalgam, f’żona li hija okkupata mill-Indja.

Bil-Pakistan attakka bażi tal-ajru Indjana, u qabel ma wasslu għal dan il-ftehim, kien hemm rapporti li qalu li l-Pakistan laqat sistema Indjana tad-difiża S-400, xi ħaġa li l-Indja ċaħdet.

Intant, it-total ta’ persuni li mietu minn dan il-ġlied tela’ għal 66 persuna.

Dan il-kunflitt ilu jdur madwar r-reġjun tal-Kashmir mill-1999, b’ħafna jgħidu li dan tal-aħħar ikun l-iktar wieħed intensiv, iżda issa wasslu għall-ftehim.