Lokali

ARA: X’kienet ir-reazzjoni tan-nies meta skoprew li Prevost se jkun il-Papa l-ġdid?

Matul dawn it-tliet ġimgħat li ġejjin wara l-ħatra tiegħu bħala papa ġdid, Robert Francis Prevost, issa magħruf bħala Papa Ljun XIV se jkollu diversi impenji – fosthom laqgħa mal-kardinali, laqgħa oħra mal-midja internazzjonali, u kif ukoll l-Udjenza Ġenerali.

Iżda, bla dubju ta’ xejn li l-iktar avveniment li hemm stennija għalih huwa l-quddiesa fi Pjazza San Pietru li se tkun qed tiftaħ uffiċjalment il-Pontifikat. Din se tkun qed issir fit-18 ta’ Mejju, fl-10 am.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Vatikan għall-Midja qasam ix-xewqa tal-Papa l-ġdid “li l-Kapijiet u l-Membri tal-Istituzzjonijiet tal-Kurja, kif ukoll is-Segretarji u l-President tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Istat tal-Belt tal-Vatikan, ikomplu fuq bażi provviżorja” fir-rwoli rispettivi tagħhom sakemm ma jingħadx mod ieħor. Il-Papa se jkun qed iwettaq ħin ta’ riflessjoni, talb, u djalogi qabel isiru ħatriet ġodda.

U waqt illi l-Knisja għaddejja minn dan il-mument storiku, Net News kien fil-Pjazza tal-Vatikan fejn iltaqa’ u tkellem ma’ diversi persuni – u ħadna r-reazzjonijiet tagħhom għall-għażla ta’ Papa ġdid.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo / Vatican Media
Filmati: Ramon Farrugia
/ Vatican Media

Preżenti fil-Pjazza kien hemm nies minn madwar id-dinja kollha, fejn fost l-oħrajn kien hemm anke gruppi ta’ Maltin; b’uħud marru propju għal din l-okkażjoni filwaqt li oħrajn inzertaw kienu Ruma – u mal-mument li semgħu li dehret id-daħna l-bajda, minnufih marru lejn l-Vatikan.

Ħafna persuni kienu sorpriżi mal-mument li sar magħruf l-isem tal-Papa l-ġdid.

Persuna partikolari mhux talli kellha x-xorti tkun preżenti fi Pjazza San Pietru fil-jum li ġie elett Papa Ljun XIV iżda saħansitra ngħata l-barka anke mill-Papa Benedittu XVI, għoxrin sena ilu.

B’dawk preżenti jemmnu li Robert Francis Prevost se jkun papa ieħor ta’ eżempju.

Intant, f’dawn il-jiem, eluf baqgħu iżuru l-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore. Dan sabiex jagħtu tislima lill-Papa Franġisku – u jitolbu fil-post fejn indifen.