“Malta gawdiet ħafna mill-isħubija fl-Unjoni Ewropea iżda hemm bżonn parteċipazzjoni sħiħa u intelliġenti tagħna fil-livelli kollha, inkluż mill-Ewro Parlamentari tagħna biex inkomplu ngawdu minn dak li vvutajna għalih 22 sena ilu.”
Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività f’Jum l-Ewropa organizzata mill-MEP Nazzjonalista Peter Agius li ddiskutiet “liema hi t-triq għal Malta” fl-Unjoni Ewropea.
Bernard Grech qal li aħna Ewropej għax aħna Maltin. Għahekk, tenna l-Kap Nazzjonalista, Malta trid taħdem mhux biex tbiegħ il-passaporti iżda biex bis-saħħa tal-Ewropa toħloq setturi ekonomiċi ġodda li bihom Malta tavvanza ‘l quddiem mhux biss ekonomikament iżda anke fil-kwalità tal-ħajja. Bernard Grech qal li t-triq ‘il quddiem hija li nibqgħu naħdmu fil-fora kollha ħalli jgawdu l-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Intervistat mix-xandar Peppi Azzopardi, Peter Agius qal fl-aħħar xhur bħala MEP iffoka ħafna li jaddatta l-Ewropa għall-bżonnijiet tal-Maltin u l-Għawdxin permezz tal-ħidma fil-kumitati tal-Parlament Ewropew li jgħarblu l-liġijiet ġodda u bi preżenza kontinwa fost il-komunitajiet li jistennew azzjoni Ewropea għall-aspettattivi tagħhom. Peter Agius spjega li parti mill-ħidma tiegħu hija li jikseb opportunitajiet ġodda li jilqgħu għall-aspirazzjoni taż-żgħażagħ, kif spjegawhom Michaela Bayliss u Mirko Sant.
L-attività trattat ukoll diversi temi bħall-mudell ekonomiku ġdid għall-Malta u l-importanza tas-Sigurtà fl-Ewropa.




Ritratti: Joseph Galea
//= $special ?>