Internazzjonali

Fi Kiev: Il-Mexxejja Ewropej b’appell għall-waqfien mill-ġlied

Is-Sibt, il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy ospità numru ta’ mexxejja ewlenin Ewropej fil-belt kapitali Ukrena ta’ Kiev għal summit bi sforz li jassiguraw waqfien mill-ġlied għall-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna… f’ gwerra li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar tliet snin.

Fost dawn il-mexxejja Ewropej kien hemm il-Prim Ministru Brittaniku, Keir Starmer, il-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Prim Ministru Pollakk, Donald Tusk, u l-Kanċilier Ġermaniż, Friedrich Merz… b’dan tal-aħħar jieħu l-ġurament ta’ Kanċilier ftit tal-jiem ilu.

Għall-ewwel darba, l-erba’ mexxejja vvjaġġaw lejn il-belt ta’ Kiev flimkien sabiex jattendu għal dan is-summit.

Qabel din il-laqgħa, il-mexxejja Ewropej ħarġu stqarrija konġunta jappoġġjaw l-Ukrajna u fejn ankè appellaw lir-Russja biex taċċetta waqfien mill-ġlied ta’ 30 jum.

Huma sostnew ukoll l-appell tal-President Amerikan Donald Trump għall-waqfien mill-ġlied u talbu lir-Russja sabiex taċċetta dan il-waqfien għall-paċi ġusta u dejjiema.

Matul din iż-żjara fil-belt kapitali tal-Ukrajna, il-mexxejja żaru monument fi Pjazza tal-Indipendenza ta’ Kiev, fejn sellmu lill-vittmi tal-gwerra.

Intant, l-Ukrajna qed tgħid illi r-Russja qed tkompli għaddejja bl-attakki tagħħa fuq l-Ukrajna, meta s-Sibt immarka l-aħħar jum mill-waqfien għall-ġlied ta’ tlett ijiem li ddikjara l-President Russu, Vladimir Putin.