“Għajjien. Tradut. Mormi.” Dawn kienu l-ewwel kliem li uża’ iċ-champion attwali ta’ Malta, tat-table tennis, Gabriel Grixti f’post fuq il-midja soċjali tiegħu sabiex jesprimi r-rabja u l-frustrazzjoni tiegħu wara li l-Kumitat Olimpiku Malti ħabbar it-tim Malti tat-Table Tennis li se jkun qed jirrapreżenta lil pajjiżna fl-edizzjoni li jmiss tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru fil-jiem li ġejjin f’Andorra.
“Ma nistax nemmen kif jien, ic-champion attwali f’Malta tas-Seniors, tħallejt barra, minkejja li kont qed nagħmel sagrifiċċji kbar biex b’mod konsistenti, nibqa’ dedikat fit-taħriġ tiegħi, fejn kont qed nalloka aktar minn 18-il siegħa fil-ġimgħa ta’ preparazzjoni u taħriġ anke jekk attwalment ninsab fil-ħames sena tal-istudji tiegħi għall-kors li qed nagħmel tal-mediċina fl-Università ta’ Malta,” saħaq b’diżappunt kbir Grixti.
L-atleta Malti, li f’dawn l-aħħar erba’ snin rebaħ tliet darbiet it-titlu ta’ champion nazzjonali tat-Table Tennis, saħaq li f’dawn l-aħħar xhur u snin, u ssagrifika kollox fid-dixxiplina sportiva tiegħu, b’taħriġ fuq il-mejda, fil-gym, fit-trakka u saħansitra mill-aspett mentali, għal għan wieħed: sabiex ikun jista’ jirrapreżenta bl-aqwa mod possibbli lil Malta fl-aqwa kompetizzjonijiet internazzjonali tat-Table Tennis.
B’kitba maħsuba, u b’kliem meqjus, Grixti kompla jgħid li r-riżultati li rrnexxielu jikseb f’dawn l-aħħar snin jitkellmu waħedhom, fejn apparti li rebaħ ukoll l-kompetizzjoni nazzjonali tad-doubles, hu rrappreżenta lil Malta għal snin sħaħ fuq livell internazzjonali, u saħansitra rebaħ il-Premier League Malti għal seba’ staġuni sħaħ wara xulxin.
“L-impenn tiegħi lejn dan l-isport u lejn il-bandiera Maltija kienet inkontestabbli, madankollu tħallejt barra għaliex il-Gvern Malti u l-KOM reġa’ għoġobhom jagħtu erba’ passaporti lil atleti mhux Maltin jiem biss qabel il-bidu ta’ dawn il-logħob,” kompla jgħid Grixti.
Fl-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li kienu saru f’Malta fl-2023, kelna l-istess xenarju.
“Dakinhar kienu qaluna li dan kien qed isir biex Malta tingħata l-aħjar ċans li tirbaħ. Fl-202 ma qbiltx, imma bqajt mat-tim, avolja ma ngħatajtx iċ-ċans nilgħab f’dawk il-logħob imqar għal punt wieħed. Kont emmint fil-wegħdiet li saru għal għada aħjar: li dawn il-plejers “barranin” ta’ livell għoli kienu se jikkontribwixxu u jgħinu fl-iżvilupp tal-isport f ’Malta. Din kienet l-ewwel wegħdha minn ħafna wegħdiet fiergħa,” qal b’qalb muġugħa Grixti.
L-atleta Malti kompla jgħid li dawn l-istess plejers ‘tħarrġu magħna fil-qosor fl-2022, reġgħu dehru eżatt qabel il-logħob fl-2023, u għebu mal-ewwel għal sentejn sħaħ, wara li ntemm il-loħgob ma dehrux għal sentejn sħaħ. Issa nsibu ruħna fl-2025 b dawn il-plejers jerġgħu jitfaċċaw minn imkien biex jilgħabu għal Malita, iżda mhux biex irrappreżentawx lil Malta sforz il-passjoni u l-kburija lejn pajjiżna, iżda sempliċiment għall-paga.”
Grixti ma jieqafx hawn, anzi iżid jgħid li ‘t-taxxi li lkoll qed inħalsu qed jintefqu fuq atleti li qatt ma taw kontribut lill-komunitá sportiva tagħna, filwaqt li l-atleti li twieldu Malta, huma Maltin u jitħarrġu, jissagrifikaw, u jaħdmu bla heda jiġu mwarrba. Nistaqsi, x’messaġġ qed jintbagħat b’dan il-mod? Ġejna mwegħdin aħjar. Nistennew aħjar,” kompla jgħid b’tant rabja iżda b’kliem maħsub u mill-qalb Grixti.
Għaldaqstant Grixti bir-raġun staqsa lill-KOM, fil-post tiegħu fuq il-midja soċjali, “għaliex tħalla barra ċ-champion nazzjonali attwali li għamel kollox sew? Il-kriterji ntużaw l-istess għal kulħadd? Għaliex il-KOM mhux trasparenti dwar min u kif ittieħdu d-deċiżjonijiet? Għaliex qed niġi diskriminat minkejja li membri oħra tat-team ma laħqux il-kriterji meħtieġa?”
Grixti għamilha ċara li ma kienx qed jitkellmu dwaru biss, iżda dwar “il-ġustizzja għaliex fl-aħħar mill-aħħar din hija kwistjoni ta’ kontabiltá u responsabiltá.”
“Dan mhux dwari biss. Dan dwar il-Ġustizzja. Din hija dwar l-accountability.”
Grixti jemmen li “il-kontinġent Malti għandu jkollu l-aqwa plejer tal-pajjiż. Filwaqt li l-KOM stqarr li ntuża kriterju ta ’għażla, ippubblikat f’Diċembru 2024, biex jintgħażlu l-atleti. Fil-prattika ġiet applikata b’mod inkonsistenti, għall-vantaġġ tagħhom meta jkun hemm bżonn u biex issir diskriminazzjoni kontra oħrajn,” kompla jgħid l-atleta Malti, li kull kelma li kiteb kienet tesprimi l-weġgħa li qed iħoss li wara tant impenn u dedikazzjoni qed jinżamm milli jirrapreżenta lil pajjiżu.
“Minn dejjem kont kburi li nilbes il-kuluri ta ’Malta. Imma llum, inħossni abbandunat mill-istess istituzzjonijiet li suppost għandhom ikunu qed jipproteġu lill-atleti u lill-isport tat-table tennis,” żied jgħid Grixti.
B’rabta ma’ dan kollu ħareġ stqarrija l-Kumitat Olimpiku Malti fejn qal li Grixti ġie offrut darbtejn biex jirrappreżenta lil pajjiżna f’kompetizzjonijiet internazzjonali iżda “huwa rrifjuta li jattendi għall-evalwazzjoni”. Dan meta żiedu jgħid li huma “jifhmu u japprezzaw li huwa student fl-aħħar sena tiegħu fl-Università” iżda ma jqisux dan bħala “skuża vantaġġjuża kontra l-plejers l-oħra li attendew it-taħriġ u l-kompetizzjonijiet”. U b’hekk komplew jgħid li huma “jaċċettaw li l-prijoritajiet ta’ Grixti kienu l-istudji tiegħu iżda fl-istess waqt jeħtieġ li Grixti jaċċetta li l-Kumitat “kellu jagħżel l-aħjar tim għal Malta”.
It-tim magħżul tat-table tennis jinkludi lil:
- Maria-Karmelia IACOB
- Viktoria Lucenkova
- Dmitrij Prokopcov
- Renata Strbikova
- Felix Wetzel
- Daniel Bajada
Minn dawn is-sitt atleti magħżula, persuna waħda biss hija atleta li twieldet f’Malta.