Tissokta r-rivalitá bejn Birkirkara u Ħamurn Spartans; iż-żewġ timijiet li nhar is-Sibt li ġej se jkunu qed jilgħabu kollox, għar-rebħ tal-akbar unur fil-futbol Malti, il-Malta Premier.
Nhar is-Sibt, jew Birkirkara champions ta’ Malta għall-ħames darba fl-istorja, u wara nuqqas ta’ 12-il sena mill-aħħar darba tagħhom li rebħu dan it-titlu, jew għal darb’oħra Ħamrun Spartans champions lokali, kif irnexxilhom jagħmlu dejjem fl-aħħar sentejn.
F’każ li l-Ħamruniżi jirbħu nhar is-Sibt, dan ikun il-11-il Kampjonat tagħhom fl-istorja u għall-ewwel darba jkunu rebħu tliet Kampjonati fuq xulxin; xi ħaġa li sal-lum għadhom qatt m’għamlu.
Dak ta’ nhar is-Sibt se jkun il-ħames konfront bejn Birkirkara u Ħamrun Spartans dan l-istaġun, u possibilment jeżisti xenarju fejn qabel tmiem dan l-istaġun jerġa’ jkolna dwell ieħor dirett u deċiżiv għar-rebħ ta’ unur bejn dawn it-tnejn. Dan għaliex Birkirkara u Ħamrun Spartans avvanzaw għas-semi-finali tal-Meridianbet FA Trophy kontra avversarji differenti, u jekk it-tnejn li huma jirbħu s-semi-finali rispettiva tagħhom, huma jergħu jiltaqgħu kontra xulxin, ġimgħa wara l-finali tal-Malta Premier ta’ nhar is-Sibt li ġej.
Ħamrun Spartans ħarġu rebbieħa fl-aħħar konfront kontra Birkirkara; ħames ġimgħat ilu meta l-iskwadra taħt it-tmexxija ta’ Winston Muscat għelbet lill-iStripes 1-0 b’gowl ta’ Roko Prsa, f’partita fejn Birkirkara fit-tieni taqsima kellhom żewġ plejers imkeċċija Neil Micallef u Alex Satariano.
Birkirkara ma rebħu qatt kontra Ħamrun Spartans fl-aħħar tliet partiti li lagħbu, bl-aħħar rebħa tagħhom kontra ċ-champions tal-futbol Malti għal dawn l-aħħar żewġ staġuni tmur lura għad-19 t’Ottubru li għadda meta fl-Opening Round, l-ewwel fażi, Birkirkara kienu għelbu lil Ħamrun Spartans 3-2.
Tul it-32 partita tal-Malta Premier, jekk wieħed jiġbor il-konfronti kollha li ż-żewġ timijiet lagħbu fl-Opening u l-Closing Round, Birkirkara ġabru erba’ punti aktar minn Ħamrun Spartans.
Anke jekk fl-iskwadra tagħhom, Birkirkara għandhom l-aqwa skorer tal-Kampjonat, Maxuel Maia, tul il-Kampjonat l-attakk ta’ Ħamrun Spartans kien aktar effettiv minn dak Karkariż, anke jekk bi ftit. Il-Ħamruniżi skorjaw total ta 48 gowl; tliet gowls aktar minn Birkirkara.
L-istatistika miġbura fit-tmiem ta’ dan il-Kampjonat, turi li l-attakk ta’ Ħamrun Spartans kien aktar attiv minn dak ta’ Birkirkara.
Dan hu konfermat fl-ammont ta’ tentattivi li ż-żewġ timijiet kellhom lejn il-lasta opposta, b’Ħamrun Spartans ikkonkludew 359 xutt lejn il-lasta avversarja, filwaqt li l-ammont reġistrat minn Birkirkara fl-attakk kien ta’ 336 xutt,
L-ogħla persentaġġ ta’ xuttijiet fl-attakk li kienu konklużi fil-lasta tat-tim oppost, hu dak ta’ Ħamrun Spartans, 37.9%. Birkirkara jilħqu perċentwall ta’ 36.6%.
Aktar numri. Ħamrun Spartans kellhom sitt blalen li ħabtu mal-lasta; tnejn aktar minn Birkirkara.
Bl-istess mod, il-Ħamruniżi kellhom aktar tentattivi fl-attakk minn barra ‘l kaxxa avversarja, meta mqabbel mal-ammont totali ta’ Birkirkara; 167 xutt minn Ħamrun Spartans, bl-iskwadra taħt it-tmexxija ta’ Stefano De Angelis, tirreġistra l-inqas ammont ta’ xuttijiet minn barra ‘l kaxxa minn fost it-12-il tim tal-Malta Premier; b’total ta’ 143 xutt.
Fl-attakk, Birkirkara jirreġistraw numru aħjar minn Ħamrun Spartans bħala tim, fejn jidħol l-ammont ta’ azzjonijiet konklużi bir-ras; 57 tentattiv minn Birkirkara kontra t-53 ta’ Ħamrun Spartans.
Fid-difiża, Birkirkara u Ħamrun Spartans soffrew l-istess ammont ta’ gowls bħal ta’ xulxin, 28 gowl.
Interessanti l-fatt, li minn dan l-ammont ta’ gowls maqgħluħ, Birkirkara ikkonċedew erba’ gowls aktar minn Ħamrun Spartans, b’xuttijiet li ġew minn barra ‘l kaxxa.
Ħamrun Spartans ma soffrew ebda gowl minn free-kick dirett, filwaqt li Birkirkara qalgħu żewġ gowls minn total ta’ 28 gowl f’Kampjonat sħiħ, minn azzjoni ta’ free-kick dirett.
L-ammont ta’ xuttijiet mit-timijiet avversarji fil-Kampjonat, taż-żewġ timijiet, kien fl-istess ilma, b’medja ta’ ftit inqas minn disa’ xuttijiet f’kull partita mit-tim avversarju.
Birkirkara huma t-tielet l-aktar tim li dabbar karti sofor f’Kampjonat sħiħ. Huma laqtu 14-il karta safra aktar minn Ħamrun Spartans, għal total ta’ 84 karta safra. Bl-istess mod, Birkirkara kellhom aktar tkeċċijiet minn Ħamrun Spartans; sitta għall-iStripes u tlieta għall-Ħamruniżi.
Aktar numri li jnisslu kurżita fil-paragun bejn iż-żewġ timijiet finalisti għar-rebħ tal-Malta Premier. Ħamrun Spartans kellhom 67 azzjoni li twaqfet għal offside mir-referee; sebgħa aktar mill-ammont sħiħ li ssaffar għal Birkirkara.
F’Kampjonat sħiħ, Birkirkara u Ħamrun Spartans ingħataw l-akbar ammont ta’ penalties; total identiku ta’ għaxar penalties u li minnhom it-tnejn li huma skorjaw tmienja kull wieħed.
Bħala medja għal kull partita, Ħamrun Spartans jiddominaw il-pussess aktar mill-avversarju tagħhom, iżda mhux l-istess jista’ jingħad għal Birkirkara. Il-perċentwall medju ta’ pussess f’kull partita minn Ħamrun Spartans hu ta’ 54.7%, it-tieni l-aktar minn fost it-12-il tim tal-Malta Premier, u dak ta’ Birkirkara hu ta’ 47.2%.
L-etá medja tal-plejers li lagħbu għal Ħamrun Spartans matul dan il-Kampjonat kienet ta’ 28.5 sena filwaqt li dik ta’ Birkirkara kienet bi ftit inqas taħt is-26 sena.
Normalment, bħala modulu tattiku, matul dan l-istaġun rajna lil Birkirkara jilgħabu aktar b’sistema ta’ 3-4-1-2 jew 4-4-2 filwaqt li l-aktar sistema tattika użata minn Ħamrun Spartans kienet dik ta’; 4-3-3.
Nistgħu nagħtu aktar statistika u numri miġbura tul Kampjonat sħiħ ta’ dawn iż-żewġ timijiet, iżda fil-veritá, meta tqis li r-rebħ tal-Malta Premier se jkun deċiż fuq logħba waħda, ħafna minn din l-informazzjoni taf tkun irrelevanti għaliex kull partita għandha l-istorja tagħha.
Li hu żgur hu, li mill-informazzjoni u statistika analiżżata, joħroġ biċ-ċar li jeżisti bilanċ bejn iż-żewġ timijiet kważi f’kull aspett. Għaldaqstant dan il-fatt jagħmel ir-riżultat ta’ nhar is-Sibt aktar imprevedibbli minn qatt qabel.
//= $special ?>