Futbol Sport

Manchester City jonqsu milli jirbħu biex jaqbżu lil Arsenal fit-tieni post

(Ritratt: EPA)

Manchester City kienu miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls barra minn darhom għand Southampton. B’dan id-draw pjuttost diżappuntanti, it-tim ta’ Pep Guardiola, naqas milli jaqbeż lil Arsenal fit-tieni post tal-klassifika. Min naħa l-oħra, għal Southampton minkejja li huma relegati dan kien riżultat pożittiv għax b’hekk mhux se jkunu qed itemmu bħala l-għar tim fl-istorja tal-Premier League hekk kif irnexxielhom jiksbu aktar punti minn Derby County.

Aston Villa kisbu rebħa mportanti fit-tamiet li jtemmu fil-postijiet tal-Ewropa meta għelbu lil Bournemouth bl-iskor ta’ 1-0. Il-gowl waħdieni wasal fil-ħin mogħti żejjed fi tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Ollie Watkins. Villa temmew il-partita bi plejer anqas meta tkeċċa Jacob Ramsey.

Everton kisbu rebħa ta’ 3-1 barra minn darhom kontra Fulham. Kien Raul Jimenez li poġġa lil Fulham fil-vantaġġ wara 17-il minuta. Everton ġabu l-iskor indaqs ftit qabel il-mistrieħ permezz ta’ Vitaliy Mykolenko. Everton dawru l-partita favur tagħhom fis-70 minuta permezz ta’ Michael Keane filwaqt li Beto għamilhom 3-1 fit-73 minuta.

Rebħa minima għal Brentford ta’ 1-0 barra minn darhom għand Ipswich. Il-gowl deċiżiv wasal fit-18-il minuta permezz ta’ Kevin Schade.

Brighton b’rebħa mportanti ta’ 2-0 kontra Wolves. Kien penalty ta’ Danny Welbeck li fetaħ l-iskor fit-28 mintua permezz ta’ penalty. Brighton irdoppjaw u għalqu l-partita fil-85 minuta permezz ta’ Brajan Gruda.