Sport Waterpolo

San Ġiljan inkurunati rebbieħa tal-Kampjonat tax-Xitwa għas-seba’ darba

(Ritratt: Abby Bonello)

SAN ĠILJAN JP PROJECTS……… 12

SLIEMA FRANK SALT…………….. 12

(2-4), (4-1), (4-1), (2-6)

(San Ġiljan jirbħu 4-2 bl-għoti tal-penalties)

San Ġiljan JP Projects huma r-rebbieħa tal-Kampjonat tax-Xitwa għas-seba’ darba fl-istorja wara li fil-finali għelbu lil Sliema Frank Salt bl-għoti tal-penalties. Huma kellhom bżonn biss li ma jkunux telliefa fil-ħin regolamentari u l-gowl lejn tmiem il-logħba fisser ir-rebħ tal-kampjonat. Għal San Ġiljan, dan kien it-tielet kampjonat konsekuttiv mirbuħ.

Sliema fetħu bl-aħjar mod possibbli u kisbu vantaġġ doppju kmieni sakemm Ben Plumpton u Nikolai Zammit għamlu l-iskor indaqs. Wara li Sliema temmew is-sessjoni 4-2 minn fuq, San Ġiljan reġgħu wieġbu fit-tieni sessjoni u marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ minuta u nofs mit-tmiem tas-sessjoni permezz ta’ Nico Schiavone li għamilhom 6-5.

Dan il-gowl nissel fiduċja ġdida fit-tim Ġiljaniż hekk kif ħadu l-kontroll tal-logħba fit-tielet sessjoni. Sa nofs is-sessjoni kabbru l-vantaġġ għal 8-5 u saħansitra bdew l-aħħar sessjoni 10-6 b’żewġ gowls fl-aħħar minuta tas-sessjoni minn Matthew Zammit u Schiavone.

Sliema kellhom biss l-aħħar sessjoni biex isalvaw il-logħba. It-tim ta’ Giannis Katrouzanakis daħal fil-logħba u naqqas id-distakk għal 10-9. Nico Schiavone żamm lil San Ġiljan żewġ gowls vantaġġ iżda gowls immedjati ta’ Liam Galea u Andreas Galea ġabu d-draw. Sam Engerer poġġa lil Sliema minn fuq 29 sekonda mit-tmiem iżda fl-aħħar attakk tagħhom, Nikolai Zammit ġab id-draw u l-logħba marret għall-għoti tal-penalties.

Hawn spikkat il-preċiżjoni ta’ San Ġiljan li skorjaw erba’ penalties minn Nikolai Zammit, Ben Plumpton, Jake Bonavia u Nico Schiavone. Għal Sliema skorjaw biss Sam Engerer u Jayden Cassar. Fi tmiem il-logħba, il-Kap tal-Operat tal-BOV Ernest Agius akkumpanjat mill-President tal-ASA Karl Izzo preżentaw it-trofew lill-captain ta’ San Ġiljan Matthew Zammit.

San Ġiljan: M. Bonello DuPuis, D. Bugeja, D. Tully, G. Bonavia, R. Caruana, M. Zammit (1), J. Bonavia (1), B. Plumpton (2), J. Abela (1), N. Zammit (4), D. Zammit, N. Schiavone (3), M. Xerri, L. Dimech

Sliema: N. Grixti, E. Schembri (2), L. Galea (5), J. Gambin, J. Cassar, B. Cachia (1), J. Abela Mizzi, D. Rizzo, J. Briffa, A. Galea (2), G. Spiteri, D. Zammit (1), B. Busuttil, S. Engerer (1)

Referees: Massimo Angileri, Tommy Kavcic