Knisja Lokali

“Stajt nara bniedem ta’ ħlewwa, diskret ħafna u kwiet”

“Stajt nara bniedem ta’ ħlewwa, diskret ħafna u kwiet… iżda fl-istess ħin intelliġenti ħafna u li jieħu interess personali f’kulħadd.”

Hekk stqarr l-Isqof Awżiljarju Joe Galea-Curmi meta tkellem dwar il-ħatra ta’ Robert Prevost bħala l-Papa l-ġdid, waqt intervent fil-programm NETLIVE.
Elezzjoni li għalkemm kienet “sorpriża” għaliex Prevost ma kienx fuq ix-shortlist ta’ ħafna – il-ħatra kienet ħafna, partikolarment għal min diġà kellu xi esperjenza personali miegħu.

Mons. Galea-Curmi sostna li fil-Knisja dejjem kien hemm il-fehma li wieħed jilqa’ għażla bħal din b’fiduċja u mħabba.

Fuq Net Television, Galea-Curmi semma’ kif ftit xhur ilu, Prevost qatta’ ġurnata mal-Agostinjani f’Ruma – esperjenza li għenitu jara aktar mill-qrib lil Prevost bħala persuna.

L-Isqof Awżiljarju semma’ wkoll kif f’Mejju tas-sena l-oħra kellhom laqgħa miegħu f’Ruma, fejn deher ċar li Prevost huwa bniedem li jisma’ u jinteressa ruħu ġenuwinament fil-persuni ta’ madwaru.

Fuq livell spiritwali, Prevost għandu rabta profonda mal-Agostinjani, u għożża kbira lejn San Wistin. Kien hemm min qal li dan jista’ jfisser li se jkompli fit-triq ta’ Papa Ljun XIII, li kien ukoll viċin ħafna tal-istess ordni.