Colin Schembri
Starlites JSD…………..56
Betsson Depiro…….67
(14-16)(10-16)(10-17)(22-18)
Betsson Depiro rebħu l-kampjonat MAPFRE MSV Life tan-nisa għas-sitt darba fl-istorja tagħhom u wara nuqqas ta’ 11-il staġun wara rebħa deċiżiva ta’ 67-56 fuq Starlites JSD fil-ħames u deċiżiva logħba tas-serje finali.
F’partita li rat lil Depiro jmexxu għal kważi tliet kwarti sħaħ, il-coach Julian Naudi mexxa lit-tim tiegħu b’konċentrazzjoni u dixxiplina, speċjalment fil-fażijiet kritiċi tat-tieni u t-tielet sessjoni. Minkejja l-aħħar sforz ta’ Starlites, kienu Depiro li żammew il-kontroll sat-tmiem u ġġustifikaw b’mertu t-titlu nazzjonali.
Kienu Starlites li ħadu l-ewwel vantaġġ meta għamlu l-ewwel sitt punti tal-partita bi trippla ta’ Michela Zammit Cordina flimkien ma’ Makaila Napoleon u Mikela Riolo. Id-dħul ta’ Julia Borg Xerri saħħaħ l-attakk ta’ Depiro li sas-sitt minuta naqqsu d-distakk għal basket. Starlites għamlu 5 punti oħra biex ħadu l-aħħar vantaġġ tagħhom fil-partita. Depiro ġew lura b’run ta’ 10-1 bi trippla ta’ Nicole Agius u punti konsekuttivi minn Claire Ciantar biex temmew l-ewwel sessjoni 16-14 minn fuq.
Fl-ewwel minuta u nofs tat-tieni taqsima kien hemm parita għal darbtejn però minn hemm ‘il quddiem Depiro ħadu l-partita f’idejhom. Huma bdew b’run ta’ 11-2 maqsuma bejn Janai Crooms u Borg Xerri biex fetħu vantaġġ ta’ 9 punti 29-20. Finalment Starlites wieġbu bil-punti ta’ Zammit Cordina u Ylenia Bonett, però Depiro għalqu t-taqsima bi tliet punti ta’ Crooms għal skor ta’ 32-24.
Fit-tielet perjodu, Depiro komplew ikabbru l-vantaġġ bi break ieħor ta’ 9-2 partikolarment b’diversi free-throws ta’ Kristy Galea u Ciantar. Lejn tmiem il-perjodu, Starlites naqqsu d-distakk bi trippla ta’ Sasha Lecuyer, però basket mal-buzzer ta’ Neve Borg ħalla lil Depiro 15-il punt minn fuq 49-34.
Il-bidu tal-aħħar sessjoni kien bilanċjat bi Starlites jitħabtu biex jidħlu fil-partita bi trippli minn Napoleon u Lecuyer. Depiro kellhom il-punti konsekuttivi minn Borg Xerri u N. Agius flimkien ma’ trippla ta’ Crooms li ħalliethom b’vantaġġ komdu ta’ 16-il punt b’żewġ minuti u nofs fuq l-aroġġ. Starlites għamlu l-aħħar sforz bi trippli ta’ Lecuyer u Christina Curmi però l-ħin kien kontra tagħhom u Depiro għalqu l-partita bil-punti ta’ Julia Borg u Galea biex ħadu r-rebħa 67-56 fost ferħ kbir.
Fi tmiem il-partita, Michael Galea f’isem il-Mapfre MSV Life flimkien mal-President tal-MBA Paul Sultana ppreżentaw il-medalji lir-rebbieħa u l-unur tal-MVP lil player ta’ Depiro Janai Crooms. Claire Ciantar, captain ta’ Depiro ftit tal-ħin wara għolliet it-trofew ta’ Champions fost il-ferħ tal-players, partitarji u diriġenti tal-club ta’ Depiro li b’hekk iċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat għas-sitt darba fl-istorja tagħhom.
Starlites JSD: S. Lecuyer 16, M. Riolo 5, C. Cilia, P. Riolo, M. Zammit Cordina 11, E. Degiorgio, M. Fenech, M. Napoleon 13, Y. Bonett 4, F. Vella, L. Zammit, C. Curmi 7.
Betsson Depiro: N. Agius 7, J. Borg Xerri 15, J. Mallia , L. Sciberras, No. Agius, C. Ciantar 9, J. Borg 4, M. Micallef, N. Borg 2, K. Galea 8, J. Borg Cardona 2, J. Crooms 20.
Referees: Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu, Zvezdan Dobrosaviljevic.
//= $special ?>