Knisja Lokali

Ċelebrazzjoni tal-Ġublew tal-Vokazzjonijiet fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù fir-Rabat

Madwar 350 persuna, fosthom membri ta’ komunitajiet reliġjużi, żgħażagħ minn diversi ċentri vokazzjonali u membri tal-MUSEUM, ingħaqdu flimkien għall-Ġublew tal-Vokazzjonijiet.

Ispirata mill-episodju tad-dixxipli fit-triq ta’ Għemmaws, iċ-ċelebrazzjoni saret forma ta’ pellegrinaġġ spiritwali. Matul dan il-vjaġġ, persuni li qed jgħixu vokazzjonijiet differenti qasmu l-esperjenza personali tagħhom dwar kif għarfu u wieġbu għas-sejħa ta’ Alla f’ħajjithom.

Iċ-ċelebrazzjoni saret fil-ġonna tas-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, b’waqfiet fi tliet stazzjonijiet simboliċi. F’kull waqfa kien hemm ikona li tirrappreżenta wieħed mill-mumenti ta’ Għemmaws: iltaqa’, isma’ u rrispondi.

Il-Ġublew tal-Vokazzjonijiet laħaq il-qofol tiegħu b’mument ta’ adorazzjoni Ewkaristika u barka sagramentali mmexxija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Din kienet stedina biex bħal fid-dixxipli ta’ Għemmaws, nagħrfu l-Mulej fil-qsim tal-ħobż.

Din l-attività kienet organizzata miċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju flimkien mal-ordinijiet reliġjużi.

Intant illum, fir-Raba’ Ħadd tal-Għid magħruf bħala l-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-Knisja tfakkar Jum il-Vokazzjonijiet, iddedikat lill-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, u l-vokazzjoni għall-ħajja miżżewġa.

F’quddiesa li saret dalgħodu fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet fis-Seminarju f’Tal-Virtù, l-Arċisqof Charles Scicluna offra riflessjoni profonda fuq ix-xbieha ta’ Ġesù bħala r-Ragħaj it-Tajjeb, u enfasizza b’mod ċar id-dritt għal ħajja b’dinjità.

Spjega li Ġesù ta ħajtu għalina u li dan l-att ta’ mħabba kbira jista’ jmexxina lejn il-għejun tal-ħajja: “Il-ħajja hi teżor kbir li nirċievu mill-Ħallieq fil-bidu tal-eżistenza tagħna, u li aħna mistednin inħalluha f’idejh sat-tmiem naturali tagħha.” L-Arċisqof għamilha ċara li l-ħajja għandha tiġi rispettata u miżmuma b’dinjità mill-bidu sal-aħħar. Kull ragħaj, bħal Ġesù, huwa msejjaħ biex jagħti ħajtu għall-merħla, mhux biex jokkupa jew jikkontrolla, iżda biex ikun strument ta’ mħabba u servizz.

Filwaqt li jfakkar fil-qawwa kbira ta’ Ġesù, l-Arċisqof ifakkar ukoll li Ġesù jirrispetta l-libertà tagħna. Huwa jħobbna bi mħabba vera, li ma tisfurzaniex iżda tistedinna: “U fil-libertà, hemm ukoll it-traġedja taċ-ċaħda; hemm it-traġedja li dak li jkun jgħidlu: ‘Jien se nieħu ħajti f’idejja u b’idejja! M’għandix bżonnok li tagħtini l-ħajja ta’ dejjem; li żżommok miegħi!’” L-Arċisqof saħaq ukoll li “l-Mulej imma jirrispetta l-għażliet tagħna. Jalla l-għażliet tagħna jkunu dejjem għażliet ta’ mħabba.”

Fi tmiem tal-omelija tiegħu, l-Arċisqof irringrazzja lill-ommijiet kollha tal-vokazzjoni tagħhom ta’ mħabba u ta’ ħafna paċenzja.