Wara li l-gvern żvela l-pjanijiet tiegħu biex jintroduċi l-ewtanasja volontarja nhar l-Erbgħa li għadda, l-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta sostniet li l-legalizzazzjoni tal-ewtanasja f’Malta f’dan l-istadju hija prematura, peress li l-kura paljattiva f’Malta għad fadlilha fejn titjieb.
Huma ddikjaraw li l-ebda pazjent m’għandu jitpoġġa f’sitwazzjoni fejn l-ewtanasja volontarja u assistita tidher bħala l-unika soluzzjoni minħabba li ma jkunx hemm kontroll adegwat tas-sintomi jew inkella jkollhom nuqqas ta’ appoġġ.
Il-MAM qalet li n-nuqqasijiet fil-kura paljattiva f’Malta jinkludu infrastruttura fqira, nuqqas ta’ taħriġ, kif ukoll nuqqas ta’ ħaddiema. Huma qalu wkoll li hemm nuqqas ta’ aċċess għal mediċini essenzjali għat-tmiem tal-ħajja.
Il-MAM qed jappellaw lill-gvern biex jagħti prijorità lill-kura paljattiva bħala emerġenza nazzjonali tas-saħħa qabel ma jiftaħ il-bieb għall-mewt assistita, għax is-sistema, kif inhi bħalissa, mhix imħejjija etikament, klinikament, jew operattivament għal pass bħal dan.
Huma żiedu jgħidu wkoll li l-introduzzjoni tal-ewtanasja tista’ twassal ukoll għal tnaqqis fil-kwalità tal-kura paljattiva.
Skont il-pjanijiet kurrenti, l-pazjenti li qed jaffaċċjaw mard terminali u li għandhom ftit xhur biss ħajja jkollhom id-dritt japplikaw għall-ewtanasja. Il-pazjent irid ikollu aktar minn 18-il sena u jkun qed ibati minn marda terminali li ma tistax titfejjaq u li skont it-tbassir għandha twassal għall-mewt fi żmien sitt xhur.