Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ kommess li joffri proposti ġodda fil-qafas ta’ mudell ekonomiku ġdid. Wegħda li saret mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech meta kien qed jindirizza lil dawk preżenti fil-Mellieħa waqt attività li tella’ l-Partit sabiex wieħed ikun jista’ jiltaqa’ u jitkellem ma’ Bernard Grech.
Bernard Grech qal li pajjiżna jeħtieġ ekonomija b’saħħitha li minnha jgawdi l-poplu kollu u mhux ftit tal-qalba tal-Gvern Laburista.
U kien għalhekk li tkellem dwar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fejn wara kollox tidħol l-importanza li jinħoloq aktar ġid bi tkabbir ekonomiku. U dan jista’ jsir fost l-oħrajn billi meta s-settur privat jinvesti ħinu u flusu, ikollu investiment li jirrendillu iżjed dħul b’aktar ordnijiet filwaqt li jiżdied in-negozju għas-sidien tan-negozji żgħar u medji u s-sidien tal-ħwienet.
Bernard Grech fakkar kif miż-żieda fl-attività ekonomika jgawdu l-investituri, is-sidien tan-negozji u l-ħaddiema b’mod dirett. Iżda dan ikun ta’ benefiċċju wkoll għal setturi oqsma li b’aktar attivita’ ekonomika inkunu nistgħu ukoll inżidu, nintroduċu u nsaħħu s-servizzi u l-benefiċċji soċjali għal min għandu l-aktar bżonn. U dan apparti li b’aktar attività ekonomika pajjiżna jipproduċi aktar servizzi u jesporta aktar prodotti, b’dan jissarraf f’aktar dħul għal pajjiżna.

Intant, matul il-ġurnata, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ martu AnneMarie żaru diversi għaqdiet fejn setgħu jitkellmu magħhom dwar l-isfidi li jgħaddu minnhom ta’ kuljum.
L-ewwel żjara li għamel kienet fil-binja tas-Soċjetà Filarmonika La Vittoria biex wara żar ukoll il-Banda Imperial. Żar ukoll l-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina u wara d-diskors li għamel fil-Pjazza, kompla jiltaqa’ man-nies fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Mellieħa.
Żjara fil-Mellieħa fejn iltaqa’ u tkellem man-nies dwar l-aspirazzjonijiet u x-xewqat tagħhom, b’reazzjoni pożittiva kemm mis-sidien ta’ negozji u mill-ħaddiema dwar l-inizjattiva tat-tnaqqis fl-income tax fuq l-overtime u l-part-time.




Ritratti: Martin Agius