Il-Kap tal-PN Bernard Grech jiltaqa’ mal-familji u mal-komunità tal-Mellieħa waqt żjara fil-lokalità.
Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista li l-ewwel €10,000 fuq xogħol part-time u overtime ma jkunux intaxxati qed tintlaqa’ tajjeb ħafna mill-ħaddiema u mis-sidien tan-negozji.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar dan meta dalgħodu għamel żjara fil-Mellieħa li matulha kellu l-opportunità li jqatta’ n-nofstanhar ta’ filgħodu mal-familji u mal-komunità Melliħija. Waqt din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, akkumpanjat minn numru ta’ uffiċjali u deputati tal-PN, żar ukoll numru ta’ għaqdiet fil-Mellieħa.
Bernard Grech seta’ jisma’ minn fomm il-ħaddiema kif din il-proposta, flimkien mal-proposta li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja ma tkunx intaxxata, se ssarraf f’iktar flus fil-but għall-ħaddiema u dan se jwassal biex tiżdied il-kwalità tal-ħajja għalihom u għall-familji tagħhom.
Il-Kap tal-PN spjega li min iħaddem ukoll se jgawdi minn din il-proposta minħabba li iktar opportunitajiet ta’ overtime jistgħu jwasslu biex il-ħaddiema jibqgħu mal-istess employer. Dan iwassal għal żieda fil-produttività u inqas proċessi burokratiċi biex jinġiebu ħaddiema barranin.
Bernard Grech elenka l-vantaġġi ta’ din il-proposta ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista:
- Proposta mibnija fuq il-bżulija tal-ħaddiema u min iħaddem,
- Iktar stabbiltà lil min iħaddem f’reklutaġġ ta’ ħaddiema,
- Iktar opportunitajiet ta’ taħriġ għall-ħaddiema,
- Iktar opportunitajiet ta’ overtime li jwasslu għal inqas ħtieġa ta’ ħaddiema minn barra.
F’ħarsa lura lejn il-ġimgħa li għaddiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għall-manuvri perikolużi u anti-demokratiċi tal-Gvern Laburista li għax ilu ħafna fil-poter, jippretendi li jgħaddi minn fuq kulħadd. Dan deher ċar meta l-Ombudsman reġa’ kkonferma li l-Gvern ried jagħlaq ħalq l-għalliema. Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista jrid jisma’ l-vuċi tal-għalliema u ta’ dawk involuti fil-qasam edukattiv.
Manuvra perikoluża oħra tal-Gvern ta’ Robert Abela hija l-mod kif il-Partit Laburista qed jipprova jaħtaf it-tmexxija tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur, qal Bernard Grech. Filwaqt li tenna l-appoġġ tiegħu għas-Sindku u esprima solidarjetà magħha, il-Kap tal-PN sostna li l-Partit Nazzjonalista jwiegħed lir-residenti li wrew fiduċja fil-kandidati tal-PN fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li l-vot tagħhom se jkompli jsarrfu f’ħidma għalihom.
Bernard Grech tenna li għall-Partit Nazzjonalista d-demokrazija hija prinċipju li jemmen fih u li, fuq kollox, irid iwettaq fil-ħidma politika – ħidma li se tissarraf biex il-poplu Malti u Għawdxi jingħata l-Malta u Għawdex li jixirqulu.
Fil-kummenti tiegħu fi tmiem iż-żjara fil-Mellieħa, il-Kap tal-PN sellem lill-ommijiet kollha f’Jum l-Omm. Huwa sellem ukoll lin-nisa li jixtiequ jsiru ommijiet, lil dawk li tilfu lit-tarbija tagħhom, lil dawk li addottaw tarbija jew għamlu fostering u lis-sorijiet li b’tant imħabba jieħdu ħsieb lit-tfal fid-djar tat-tfal.
//= $special ?>