Daqshekk Gwerra qed nappella biex il-mexxejja tad-dinja jwaqqfu l-gwerer.
Kien dan l-appell li għamel il-Papa Ljun XIV, fl-ewwel indirizz tiegħu fil-jum tal-Ħadd, fejn talab għall-paċi dejjiema fl-Ukrajna u għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza.
Il-Papa Ljun XIV stqarr li jinsab imweġġa’ b’dak li qed jiġri Gaza, dan filwaqt li stqarr li d-dinja qed tokrob għal miraklu tal-paċi. Spjega kif minkejja li t-Tieni Gwerra Dinjija ntemmet 80 sena ilu, id-dinja fil-preżent qed tiffaċċja diversi gwerer oħra.
Fid-diskors tiegħu l-Papa Ljun XIV ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ma jaqtgħux qalbhom u jilqgħu s-sejħa ta’ Alla.
Hu sellem lill-pellegrini minn Malta, u lill-ommijiet f’Jum l-Omm.
Huwa tenna t-talba tar-Regina Caeli flimkien ma’ dawk kollha preżenti fil-Pjazza ta’ San Pietru. U naturalment ta wkoll il-baraka
Robert Francis Prevost intagħżel bħala Papa, il-Ħamis wara jumejn ta’ konklavi fil-Vatikan. Is-Sibt huwa żar il-qabar tal-Papa Franġisku li jinsab fil-bażilika ta’ Santa Maġġiore.
Fil-jum tal-Ġimgħa huwa kellu laqgħa flimkien mal-Kardinali fejn stqarr li hu ma jħossux dinji għal dan l-irwol tant kbir però wiegħed li se jkun qed ikompli fuq il-legat tant prestiġjuż tal-predeċessur.
Waqt din il-laqgħa huwa saħaq dwar l-importanza tal-missjoni u diskussjoni dwar dawk li jħossuhom riġettati. Kien hawnhekk fejn spejga li hu għażel l-isem ta ‘Ljun’ wara l-Papa tas-seklu 19 li baqa’ magħruf għat-tagħlim tiegħu dwar il-ġustizza soċjali.
Il-Papa Ljun XIV għamel referenza wkoll għall-inteligenza artifiċjali u sostna li huwa essenzjali li l-Knisja tipproteġi lil dinjità umana u l-ġustizzja.
//= $special ?>