Bernard Attard ta’ 33 sena li bħalissa għandu każ pendenti dwar allegat iffalsifikar ta’ karti ta’ identità f’ID Malta, tressaq il-Qorti mixli li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu u dan biex ma jagħmilx kuntatt ma’ Maria Spiteri, koakkużata miegħu fuq l-istess każ ta’ allegat iffalsifikar. Huwa ammetta l-akkużi.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif l-ewwel l-akkużat beda jħalli ’emojis’ li jikkonsistu fi qlub fuq ir-ritratti ta’ Spiteri, imbagħad beda jipprova jċemplilha. Maria Spiteri, li tgħix is-Siġġiewi xehdet quddiem il-Maġistrat Ann Marie Thake u qalet li Attard ħalla qalb fuq ritratt tat-tfal.
Tenniet li fil-5 ta’ Mejju ftit wara s-seduta li kellhom, beda jċemplilha u mbagħad reġa’ beda jċempel filgħaxija. Spiteri qalet fil-Qorti li bejniethom ma hemm xejn u b’digriet tal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech huma ma jistgħux jitkellmu taħt ebda ċirkostanza.
Qalet ukoll li ma kellha ebda prova li t-telefonati mingħand persuna terza kien hemm Attard wara dan kollu. Wara xehed Attard li ammetta li fil-fatt kien bagħtilha messaġġi u ċemplilha wkoll. Id-Difiża mmexxija mill-Avukat Josè Herrera qal li dan la heddidha u lanqas kellimha dwar il-każ, u fakkar li Attard kien joħroġ ma’ Spiteri, fil-passat.
Qal li Spiteri mhijiex xhud għax hija akkużata. Argumenta wkoll li s-sentenza għandha tkun proporzjonata u talab għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u se tkun qed tagħti s-sentenza nhar il-Ġimgħa.