Lokali

“Il-Gvern irid iġorr ir-responsabbiltà għal falliment ieħor fl-edukazzjoni” – PN

Il-PN ilu jwissi li l-esklużjoni tal-MFHEA mill-European Quality Assurance Register for Higher Education se tħalli impatt negattiv fuq pajjiżna

Il-Gvern irid iġorr fuq spalltu r-responsabbiltà għal falliment ieħor fl-edukazzjoni.

Hekk sostna Justin Schembri, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’; fi stqarrija fejn spjega li l-fatt li l-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, (Malta Further and Higher Education Authority, MFHEA), ġiet ekluża mill-European Quality Assurance Register for Higher Education (EQAR), se jħalli impatt negattiv fuq l-edukazzjoni avvanzata f’pajjiżna.

Wara li r-reġistru Ewropew irrifjuta l-ewwel talba, issa caħad ukoll l-appell li sar mill-MFHEA, li hija l-awtorità Maltija li tirregola l-liċenzjar tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jwissi dwar dan minn Novembru tas-sena li għaddiet meta kien tkellem dwar kif l-MFHEA bħala regolatur tal-edukazzjoni ogħla f’Malta ma kinitx ġiet aċċettata biex tkun fuq dan ir-reġistru.

L-esklużjoni tal-MFHEA milll-EQAR qed tfisser li diversi istituzzjonijiet edukattivi f’Malta, partikolarment fis-settur privat, qed jiffaċċjaw diffikultajiet ta’ rikonoxximent barra minn Malta għax il-kwalifiċi tagħhom mhux qed ikunu rikonoxxuti minn pajjiżi barranin minħabba li Malta mhix membru tal-EQAR. 

Dan qed ikollu effett negattiv direttament fuq l-istudenti u fuq il-kredibbiltà tal-qasam edukattiv Malti.

Dan ġie kkonfermat f’rapporti bħal dak li ppubblikat illum it-Times of Malta, li juru kif dawn l-istituzzjonijiet qed ibatu minn dewmien fl-applikazzjonijiet għall-akkreditazzjoni u nuqqas ta’ trasparenza.

L-artiklu jitkellem ukoll dwar numru ta’ każi ta’ skejjel barranin dubjużi li tħallew jaħdmu taħt ġurisdizzjoni Maltija. Dan probabbilment hu fost il-fatturi li wasslu biex l-EQAR tesprimi n-nuqqas ta’ fiduċja tagħha fl-MFHEA billi teskludiha mir-reġistru.

Jidher ukoll li l-MFHEA għadha mingħajr ‘Head of Programme Implementation’, minkejja li dan kellu jmexxi l-Istrateġija Nazzjonali ppubblikata f’Lulju li għadda – strateġija li lanqas biss issemmi l-ħtieġa li l-Awtorità tissieħeb fl-ENQA (European Association for Quality Assurance in Higher Education) jew fil-EQAR, jew li tkun konformi mal-European Standards and Guidelines.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern jieħu azzjoni u jippreżenta pjan serju biex jerġa’ jibni l-kredibbiltà tal-Awtorità u jindirizza l-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet edukattivi. Fl-istess waqt, jappella għal riformi konkreti fl-MFHEA biex dan is-settur vitali jkompli jattira studenti ta’ kwalità u jagħti garanzija ta’ standards Ewropej.

Għax għall-Partit Nazzjonalista l-edukazzjoni hi prijorità, bil-fatti u mhux bil-kliem biss, se jibqa’ jagħti l-appoġġ lill-istituzzjonijiet serji, u jikkundanna l-kompliċità tal-Gvern f’din is-sitwazzjoni li qed tagħti impressjoni li fejn tidħol l-edukazzjoni Malta hi inkompetenti.