Edukazzjoni Lokali

Il-Gvern Malti mhux jilħaq l-istandards fl-edukazzjoni – ir-reġistrazzjoni tal-awtorità lokali ġiet miċħuda

Ir-Reġistru Ewropew li jiċċertifika l-kwalità fis-servizzi edukattivi warrab it-talba tal-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Ogħla (MFHEA) għal ċertifikazzjoni Ewropea. Dan minħabba li ma ntlaħqux ċerti standards u minħabba li l-Bord tal-istess awtorità mhuwiex indipendenti.

Skont it-Times of Malta, l-awtorità lokali naqset milli tilħaq l-istandards neċessarji. U b’riżultat ta’ dan, ċertu korsijiet ta’ Baċellerat jew Masters minn istituzzjonijiet privati f’pajjiżna mhux qed jiġu rikonoxxuti barra minn Malta.

Jidher li r-Reġistratur Ewropew sab nuqqasijiet serji f’dak li għandu x’jaqsam mal-pjan strateġiku fl-edukazzjoni.

It-Times qed tirrapporta li d-deċiżjoni finali tar-Reġistratur Ewropew ittieħdet f’Settembru li għadda. Iżda l-Gvern żamm din il-materja moħbija.

Issa, l-awtorità lokali ġiet klassifikata mir-Reġistratur Ewropew bħala waħda li qed tosserva “parzjalment” l-istandards rikjesti.

Net News jinsab infurmat li din il-klassifikazzjoni se taffettwa lil mijiet ta’ studenti li qed isegwu kors ma’ istituzzjoni privata.

Korsijiet oħrajn mogħtija mill-Università, l-MCAST u l-ITS se jibqgħu rikonoxxuti barra minn Malta.