Lokali Parlament

Il-ħaddiema b’diżabbiltà għandhom jingħataw l-ikbar protezzjoni fuq il-post tax-xogħol

Graziella Galea PN,

Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea qalet fil-parlament li l-ħaddiema b’diżabbiltà għandhom jingħataw l-ikbar protezzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol.

Graziella Galea qalet li l-postijiet tax-xogħol m’għandhomx jesponu lill-ħaddiema għal riskji. Hi semmiet il-ħaddiema b’diżabbiltà u qalet li dawn diġà għandhom diversi sfidi u għalhekk għandhom jingħataw l-ikbar protezzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li dawn il-ħaddiema għandu jkollhom garanziji iktar b’saħħithom. Mnkejja li nħolqot kuxjenza ikbar dwar id-drittijiet tal-ħaddiema għad hemm numru ta’ nuqqasijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà. Filwaqt li semmiet ir-regoli 2% tal-ħaddiema f’ċertu kumpaniji għandhom ikunu b’diżabbiltà, hi qalet li l-OHSA għandha tara li dawn il-ħaddiema jingħataw il-protezzjoni meħtieġa.

Graziella Galea sostniet li min jimpjega jrid jassigura s-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol iżda l-infurzar m’huwiex qed ikun b’saħħtu biżżejjed. Ir-risk assessment għandhom ikunu speċifiċi għall-persuni vulnerabbli u b’diżabbiltà.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li għandha tingħata l-għajnuna lil dawk li josservaw dawn l-obbligi fil-kuntest tal-persuni b’diżabbiltà.