Lokali Qorti

Il-Qorti tordna lill-AĠ biex jagħmel arranġamenti sabiex l-espert Jeremy Harbinson jixhed

Il-Maġistrat Rachel Montebello ordnat lill-Avukat Ġenerali biex isiru l-arranġamenti neċessarji mal-awtoritajiet ġudizzjarji fir-Renju Unit bil-għan li l-espert Jeremy Harbinson jinġieb quddiemhom u jixhed b’kollegament awdjo-viżwali dirett mal-Qorti f’Malta fil-preżenza tal-akkużati fil-kawża dwar il-koncessjoni tal-isptarijiet.

F’digriet mogħti t-Tnejn filgħodu, il-Qorti qalet li f’ċirkostanzi illi Harbinson m’huwiex dispost li jivvjaġġja lejn Malta, il-Magistrat qalet li l-Qorti hija fid-dmir li tagħmel dak kollu possibbli biex tassigura li x-xhud jixhed fil-preżenza tal-akkużati.

Il-kawża hi fil-konfront ta’ numru ta’ persuni, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, dwar il-konċessjonijiet tal-isptarijiet, 

F’dan l-istadju jidher li l-uniku triq vijabbli u realistika biex Harbinson jinġieb jixhed mill-iktar fis u biex jiġi evitat dewmien żejjed fil-proċeduri, hija l-eżekuzzjoni ta’ ittri rogatorji. Waqt illi rrikonoxxiet illi l-ittri rogatorji huma miżura straordinarja u eċċezzjoni għar-regola, il-Magistrat Montebello tenniet li fil-fehma tal-Qorti, ix-xhieda ta’ Harbinson bil-mezz ta’ rogatorji ma toħloqx xi żvantaġġ lid-difiża.

“Huwa fl-interess tal-akkużati u tas-soċjeta’ li l-proċeduri kriminali jiġu riżolti bl-iktar mod effiċjenti u malajr. Dan l-interess ikun imminat serjament, jekk il-proċeduri ma jkunux jistgħu jkomplu minħabba li xi xhud ma jkunx disponibbli jew jirrifjuta illi jkun preżenti biex jixhed,” qalet il-Magistrat.

Fid-digriet tagħha, il-Qorti saħqet illi bla tlaqliq x-xhieda ta’ Harbinson hija meħtieġa b’mod indispensabbli għax huwa l-awtur ewlieni tar-rapport estensiv li fuq il-bażi tiegħu inħarġu akkużi fil-konfront ta’ numru ta’ persuni.

Il-Magistrat Rachel Montebello sostniet illi Harbinson baqa’ ma mexix mal-ordni mogħtija mill-Qorti f’Jannar li għadda sabiex jippreżenta dokumenti li juru għalxiex ma jistax jivvjaġġa lejn Malta.